“Il-Gozo Channel għażlet kumpanija li nfetħet 5 ijiem ilu” – Virtu Ferries

Il-kumpanija Virtu Ferries uriet id-diżappunt tagħha għall-aħbar li l-Gozo Channel se tkun qed taħdem mal-Islands Ferry Network sabiex tipprovdi s-servizz tal-fast ferry. Dan filwaqt li sostniet li l-kumpanija ilha biss ħamest ijiem li nfetħet u se titmexxa minn persuni li m’għandhom l-ebda tip ta’ esperjenza fis-settur.
Ilbieraħ, il-Gozo Channel ħabbret li se tkun qed taħdem mal-kumpanija ta’ Magro Brothers Investments Ltd u Fortina Investments Ltd, li ntagħżlet minn fost seba’ applikazzjonijiet oħra.
Il-Ġimgħa, il-Virtu Ferries ġiet mgħarrfa li s-sottomissjoni tagħha ma ġietx aċċettata.
Fi stqarrija, il-Virtu Ferries spjegat li skont is-sejħa tal-Gozo Channel, il-kumpanija li se tkun qed topera l-fast ferry, kellha tissodisfa r-rekwiżit ta’ mill-inqas ħames snin ta’ servizz fis-settur u dħul ta’ €10 miljun.
Fi kliem il-Virtu Ferries, kien miktub li l-kumpanija jkollha wkoll ir-riżorsi biex tissodisfa l-irwol.
Il-Virtu Ferries sostniet li l-għażla tal-Gozo Channel kienet waħda rresponsabbli. Staqsiet ukoll għaliex il-Gozo Channel kellha bżonn tingħaqad ma’ kumpanija oħra biex tipprovdi servizz ta' dan it-tip, jekk mhux biex tissieħeb ma’ kumpanija li għandha reputazzjoni u servizzi tajbin u eżistenti.
Ritratt: Virtu Ferries Ltd.