Il-kumpanija Lego tagħmel il-kontribut tagħha għall-pandemija tal-coronavirus

Lego, il-kumpanija Daniża li tipproduċi l-ġugarelli għat-tfal, dan l-aħħar ħabbret fuq il-kont tal-Instagram tagħha li se tibda tuża r-riżorsi tagħha biex tipproduċi apparat protettiv għall-wiċċ li jista’ jintuża minn professjonisti fil-kura tas-saħħa li bħalissa qed jaħdmu ma’ pazjenti milquta bil-coronavirus. Il-kumpanija adattat parti mill-magni tagħha li jagħmlu l-forom sabiex dawn jibdew jintużaw għall-produzzjoni ta’ apparat protettiv, u issa qed tipproduċi aktar minn 13,000 maskla tal-wiċċ kuljum għall-ħaddiema tal-kura tas-saħħa fid-Danimarka.

“Din il-ġimgħa bdejna nagħmlu dawn il-maskli fil-fabbrika tagħna f’Billund għall-persunal mediku fid-Danimarka” – din kienet l-istqarrija ta’ Lego fuq il-midja soċjali. “Aħna tassew kburin bit-tim tagħna li ħadmu biex dan iseħħ. Huma ħadmu bla waqfien biex joħolqu d-disinn u jagħmlu l-forom li jistgħu jipproduċu aktar minn 13,000 maskla għal wiċċ kuljum. Aħna tassew grati li għandna kollegi li huma tant kapaċi, dedikati u li lesti jiddedikaw mill-ħin tagħhom biex jgħinu f’din is-sitwazzjoni.”

Ma’ din id-dikjarazzjoni, il-kumpanija ppubblikat ukoll xi ritratti tal-linji tal-produzzjoni li qed jintużaw għall-produzzjoni tal-maskli li jipprovdu aktar protezzjoni għall-għajnejn tal-persunal mediku.

Minbarra din l-azzjoni prattika, il-kumpanija offriet ukoll donazzjoni ta’ $50 miljun bħala għajnuna f’din is-sitwazzjoni, li parti minnha ngħatat lill-organizzazzjoni Education Cannot Wait, li “tipprovdi edukazzjoni għal tfal f’sitwazzjonijiet ta’ kriżi.”

“Hekk kif miljuni ta’ familji jibqgħu fi djarhom, il-Grupp Lego u l-Lego Foundation ngħaqdu biex jgħinu lil tfal f’dawn iż-żminijiet mingħajr preċedent,” żiedet il-kumpanija fi stqarrija reċenti. 

Source

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn