“Il-kumpanija fil-Panama fil-proċess li tiġi xolta” – Konrad Mizzi

Il-Ministru Bla Portafoll Konrad Mizzi qal li l-kumpanija Hearnville li għandu fil-Panama tinsab fil-proċess li tiġi likwidata.
Mistoqsi mill-ġurnalisti għal aktar dettalji dwar il-proċess ta’ likwidazzjoni, Konrad Mizzi qal li l-proċess biex il-kumpanija tingħalaq beda f’Jannar li għadda imma qal li mhux f’pożizzjoni li jgħid meta l-kumpanija se tkun xolta.
Meta l-ġurnalisti baqgħu jinsistu għal tweġiba iva jew le, dwar jekk il-kumpanija fil-Panama hux se tingħalaq, Dr Mizzi baqa’ jtenni li qiegħda fil-proċess biex tingħalaq.
Mistoqsi għala l-proċess beda f’Jannar u mhux f’April 2016 meta faqqa’ l-iskandlu tal-Panama, Dr Mizzi qal li ried jistenna r-riżultat tal-awditjar.
L-awditjar kien tlesta f’Settembru, madankollu Konrad Mizzi kien ħalla sa Frar biex jippubblikah.
Huwa kien ippubblikah ftit ħin wara li temm il-laqgħa tiegħu mal-Kumitat Pana, il-Kumitat Ewropew li qed jinvestiga l-iskandlu tal-Panama Papers.
Dr Mizzi ma weġibx lanqas jekk il-Prim Ministru għandux jordna liċ-Chief of Staff tiegħu, Keith Schembri jidher quddiem il-Kumitat Pana.
Reġa’ tenna biss il-kliem li esawrixxa is-suġġett kollu.