“Il-kumpanija Binance se tiġi Malta u toħloq 200 impjieg” – PM

L-ikbar kumpanija fid-dinja għall-valur kummerċjali tagħha fil-qasam tal-muniti diġitali mistennija tiftaħ uffiċċju f’Malta.
Il-kumpanija Binance, li twaqqfet f’Hong Kong is-sena l-oħra, irċeviet twissija formali mill-Aġenzija għas-Servizzi Finanzjarji fil-Ġappun.
Binance qalet li tinsab qrib li tagħlaq ftehim ma’ xi banek lokali li jistgħu jipprovdulha aċċess għad-depożiti u ġbid ta’ flus, iżda ma ngħataw l-ebda dettalji dwar meta dawn is-servizzi se jibdew. Il-kumpanija għandha mat-8 miljun klijent.
Il-Kap Eżekuttiv tagħha Zhao Changpeng qal li Malta hija progressiva ħafna fejn jidħol il-qasam tal-cryptocurrencies.
Intant fuq Twitter, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li qed jilqa’ f’Malta lil kumpanija Binance, fejn irid li l-pajjiż ikun l-aqwa għażla ta’ kwalità għall-kumpaniji li joperaw fit-teknoloġija finanzjarja.
Dwar Binance, fi stqarrija li ħareġ il-Gvern, il-Prim Ministru ġie kkwotat jgħid li din hija biss l-ewwel minn għadd ta’ kumpaniji fis-settur finanzjarju-teknoloġiku li jridu jinvestu f’Malta.
Qal li din il-kumpanija se tkun qed tħaddem mal-200 persuna f’Malta.
Semma li għaddejjin ukoll taħdidiet mal-Università ta’ Malta sabiex ikun hemm korsijiet ġodda dwar teknoloġiji bħall-blockchain.