Aġġornata: Il-kumpanija Baxter se tkeċċi 97 ħaddiema

12:15: 97 ħaddiema tal-kumpanija Baxter mistennija jispiċċaw bla xogħol. Jidher li 83 minnhom huma ħaddiema manwali filwaqt li 14 oħra huma staff tal-kumpanija.

Bħalissa, it-tmexxija tal-kumpanija qed tiltaqa’ mal-ħaddiema li hemm f’diversi sezzjoni biex tinfurmahom bid-deċiżjoni.

Dalgħodu stess it-tmexxija tal-kumpanija kellha laqgħa mal-GWU u f’kummenti li ta lil Newsbook, kelliem għall-Unjin, Jason Deguara qal li fl-aħħar sena u nofs il-kumpanija marret finanzjarjament ħażin, tant li kellha telf ta’ €2 miljuni.

Mil-laqgħa li kien hemm dalgħodu, il-kumpanija qalet li f’Jannar u fi Frar li għadda, Baxter Malta baqgħet fl-istess ritmu u għalhekk iddeċidiet li titrasferixxi l-operat tagħha lejn it-Tuneżija. B’din id-deċiżjoni, se tintlaqat 25% tal-operat f’Malta.

Jason Deguara saħaq li diġà sar kuntatt mal-Malta Enterprise u mal-Ministru tal-Ekonomija Chris Cardona biex jaraw kif tista’ tiġi solvuta din is-sitwazzjoni.
Il-GWU qalet li se tħalli kull għażla miftuħa, inkluż skema ta’ irtirar kmieni.

L-Unjin qed timmira li fil-bidu tal-ġimgħa d-dieħla jkollha laqgħa mal-Baxter u l-Malta Enterprise.

Iktar kmieni:
Żmien ta’ inċertezza għall-kumpanija Baxter. Dan hekk kif il-kumpanija talbet li ssir laqgħa urġenti mal-General Workers Union.

Jidher li l-Baxter, li timmanifattura prodotti mediċi, għandha l-ħsieb li tagħti s-sensja lil 80 ħaddiema.

Il-kumpanija Baxter, li ilha topera minn Malta għal dawn l-aħħar 35 sena, tħaddem madwar 415 ħaddiem.

Tipproduċi iktar minn 60 miljun tagħmir mediku fosthom għal pazjenti morda bil-kliewi u apparat jiġi ffiltrat id-demm fost l-oħrajn.

Madwar 70% tax-xogħol tagħha jiġi esportat lejn pajjiżi Ewropej.

Fil-bidu ta’ Marzu, 60 ħaddiema tal-kumpanija tal-farmaċewtika Actavis fid-Dipartiment tar-Riċerka u l-Iżvilupp f’Bulebel, ġew infurmati li se jispiċċaw bla xogħol sal-aħħar tas-sena.