Il-Kummissjonijiet tal-Ġustizzja u l-Paċi jitolbu għall-azzjoni fl-Iraq u s-Sirja

Il-Konferenza Ewropea, li tiġbor fiha 31 kummissjoni tal-Ġustizza u l-Paċi, qed titlob azzjoni politika dwar il-persekuzzjoni tal-Insara fis-Sirja u fl-Iraq mill-grupp militanti IS (Islamic State).
Dan wara li l-militanti talbu lill-Kristjani biex jikkonvertu kollha għar-reliġjon Iżlamika, iħallsu taxxa għolja u jħallu l-belt ta' Mosul. Jekk ma jagħmlux dan, il-grupp militanti qed jhedded li joqtolhom.
Il-militanti, fl-aħħar ġimgħat kissru diversi knejjes, monasteri u anke postijiet marbuta ma' tradizzjoni reliġjuża antika bħall-qabar tal-profetà Ġona.
Fid-dawl tal-aħħar żviluppi, il-konferenza qed tħeġġeġ lill-Unjoni Ewropea u lill-politiċi Ewropej biex jieħdu passi u jikkundannaw, bħal ma' għamel il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda, il-persekuzzjoni fuq gruppi f'minoranza.
Il-konferenza Ewropea qed titlob lill-mexxejja Ewropej biex jiddikjaraw lill-grupp militanti IS bħala grupp terroristiku. Qed titlob ukoll li ssir pressjoni fuq il-Gvern tal-Iraq biex jieħu miżuri konkreti li jsaħħu l-għaqda bejn il-popolazzjoni kollha biex l-Iraq ma jkompliex jinqasam.
Il-mexxejja Ewropej qed ikunu mħeġġa joffru s-sapport kollu lill-Kristjani fl-Iraq u biex joffri għajnuna umanitarja lill-Gvernijiet ta' pajjiżi ġirien li qed jilqgħu għadd ta' refuġjati mis-Sirja u l-Iraq.