Il-Kummissjoni Venezja tilqa’ r-riformi; tinsisti li hemm bżonn aktar konsultazzjoni

Sarah Cassar Dymond

Read in English.

Filwaqt li l-Kummissjoni Venezja laqgħet ir-riformi leġiżlattivi li għamel il-Gvern Malti bħala pass importanti fid-direzzjoni t-tajba, ikkritikat in-nuqqas ta’ konsultazzjoni madwar ċerti tibdiliet.

Dan ħareġ f’rapport ta’ 20 paġna ppubblikat illum b’rabta mat-tibdiliet leġiżlattivi f’Malta mill-Kummissjoni Venezja fi ħdan il-Kummissjoni Ewropea.

Il-Kummissjoni Venezja spjegat kif fl-10 ta’ Diċembru tal-2018 kienet ippubblikat l-opinjoni tagħha dwar kif għandha tittejjeb il-Kostituzzjoni Maltija biex ikun hemm separazzjoni tal-poteri u ġudikatura indipendenti fost l-oħrajn. Il-konklużjoni tagħhom kienet li l-Kostituzzjoni Maltija kienet tagħti poteri kbar lill-Prim Ministru u li l-President, il-Parlament, il-Kabinett tal-Ministri, il-ġudikatura u l-Ombudsman kellhom pożizzjoni isitituzzjonali dgħajfa ħafna biex ikun hemm checks and balances suffiċjenti.

Hawn il-Kummissjoni Venezja kienet irrakkomandat li jkun hemm tisħiħ tal-pożizzjonijiet ta’ dawn il-persuni. Hi kienet qalet ukoll li t-tibdiliet għandhom isiru wara li jkun hemm konsultazzjoni sħiħa u wiesgħa mas-soċjetà biex iċ-ċittadini jkollhom ukoll l-opportunità jgħaddu l-opinjoni tagħhom dwar l-emendi.

Kien spjegat kif f’April tal-2020, il-Ministeru għall-Ġustizza Edward Zammit Lewis talab l-opinjoni tal-Kummissjoni Venezja dwar il-proposti għat-tibdiliet leġiżlattivi li kienu jikkorrespondu mar-rakkomandazzjonijiet li saru lura fl-2018. Fid-19 ta’ Ġunju mbagħad, il-Kummissjoni Venezja rreġaxxiet għall-proposti fejn talbet għal konsultazzjoni wiesgħa u strutturata bi djalogu bejn is-soċjetà ċivili, il-partiti fil-parlament, l-akkademiċi, il-midja u istituzzjonijiet oħrajn. Appellat biex il-proċess ta’ konsultazzjoni jkun wieħed trasparenti.

“Filwaqt li l-Kummissjoni tilqa’ l-isforz tal-awtoritajiet Maltin biex ikunu implimentati l-varji rakkomandazzjonijiet tal-opinjonijiet u filwaqt li tirrikonoxxi li l-awtoritajiet Maltin jista’ jkun qed iħossuhom taħt pressjoni biex jagħmlu r-riformi fl-iqsar żmien, il-Kummissjoni ma tistax ħlief jiddispjaċiha kif il-maġġoranza tal-Abbozzi daħlu bħala liġi qabel mal-opinjoni mitluba setgħet tkun finalizzata (u qabel ma r-rapporteurs tal-Kummissjoni setgħu jitkellmu mal-istakeholders). F’din l-osservazzjoni, il-Gvern insista li r-riformi ġew implementati mhux għax l-awtoritajiet kienu taħt pressjoni imma għax kienu jemmnu b’mod sħiħ fihom,” jgħid ir-rapport.

Il-Kummissjoni qalet li li tittama li l-proċedura parlamentari twassal għal djalogu strutturat bejn l-imsieħba skont kif irrakkomandat hi stess. Emmnet li s-sottomissjoni ta’ Abbozz fil-Parlament kellu jkun il-bidu ta’ djalogu strutturat fis-soċjetà. Il-Kummissjoni qalet li:

  • Fl-1 ta’ Lulju 2020 – L-Abbozzi kienu ppreżentati fil-Parlament għall-ewwel qari.
  • Fit-2 ta’ Lulju 2020 – L-awtoritajiet infurmaw lill-Kummissjoni li l-10 Abbozzi kienu għadhom mhux fid-dominju pubbliku.
  • 17 ta’ Lulju 2020 – L-awtoritajiet infurmaw li erba’ Abbozzi (140, 141, 142 u 143) tpoġġew fid-dominju pubbliku.
  • Fid-29 ta’ Lulju 2020 – Daħlu liġi sitt abbozzi (inkluż 154 u 155) mingħajr ċans għal djalogu sinjifikanti anke jekk dawn l-Abbozzi kienu adottati b’mod unanimu.

Għal din ir-raġuni, il-Kummissjoni qalet li hija kritika tal-proċedura li uża l-Gvern Malti.

Aktar rakkomandazzjonijiet mill-Kummissjoni Venezja

Il-Kummissjoni Venezja kompliet billi għamlet aktar rakkomandazzjonijiet biex jitranġaw is-sitt Abbozzi li daħlu fil-liġi mingħajr żmien sostanzjali għal konsultazzjoni. Il-Kummissjoni rrakkommandat li:

  • L-ismijiet tat-tliet kandidati għandhom ikunu ppubblikati meta l-Kumitat tal-Ħatriet tal-Ġudikatura jgħadduhom lill-President.
  • Il-Ministeru għall-Ġustizzja m’għandux jibqa’ jkollu permess li jitlob il-parir tal-Kumitat tal-Ħatriet tal-Ġudikatura dwar ħatriet għal uffiċji oħrajn fil-ġudikatura jew fil-Qrati.
  • Il-poter ta’ konsulenza lill-President ta’ Malta dwar is-subrogazzjoni tal-Imħallfin meta l-Prim Imħallef ifalli milli jipprovdi l-pariri għandu jgħaddi għall-aktar Imħallef anzjan, jew jekk hemm bżonn, lill-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja.
  • Mekkaniżmu anti-deadlock għandu jkun inkluż minn tal-inqas għall-Prim Imħallef u għall-elezzjoni tal-President ta’ Malta.
  • Hekk kif “imġieba ħażina bil-provi” tista’ tinftiehem bħala att kriminali, uffiċjali li jkunu tneħħew minħabba din l-imġieba (President ta’ Malta, Avukat Ġenerali, l-Avukat tal-Istat u l-Ombusdman) għandu jkollhom id-dritt li jappellaw lill-Qorti Kostituzzjonali dwar dan l-aġir, qabel ma jittieħed vot finali fil-Parlament.
  • Il-Kummissjoni Permanenti kontra l-Korruzzjoni u l-Ombudsman m’għandhomx biss iħossuhom fid-dmir imma jħossuhom obbligati li jirreferu għad-dubji tal-Avukat Ġenerali (u mhux biss għal dak li sab) fejn tidħol il-korruzzjoni.
  • Appell kontra non-prosekuzzoni mill-Avukat Ġeneral u l-pulizija m’għandux biss ikun possibbli meta hemm deċiżjoni espliċita jew rifjut ta’ prosekuzzjoni iżda wkoll meta ma jkunx hemm prosekuzzjoni fi żmien raġjonevoli (li jkun determinat mill-Qorti).
  • Bħal f’każi fejn persuni jkunu milquta minn każi ta’ korruzzjoni, l-Ombudsman, il-Kummissarju għall-Istandards tal-Ħajja Pubblika u l-Awditur Ġenerali għandhom jingħataw l-opportunità li jappellaw kontra non-prosekuzzjoni fil-każi kollha, mhux biss meta dawn il-każi jkunu rrappurtati lill-Avukat Ġenerali.
  • Id-dritt tal-Informazzjoni għall-Ombudsman għandha titpoġġa fuq livell kostituzzjonali.

Fejn jidħlu l-erba’ Abbozzi li għadhom fil-Parlament, il-Kummissjoni Venezja ssuġġeriet li:

  • L-Awditur Ġenerali mhux biss għandu jkollu l-poter li jirrapporta dubji fuq prattiċi korrotti tal-Avukat Ġenerali, iżda għandu jkun obbligat li jagħmel dan.
  • Il-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku għandha titħalla titlob għal pariri mis-segretarji permanenti, inkluż is-Segretarju Permamenti Prinċipali, fejn tidħol il-ħatra ta’ Segretarji Permanenti oħrajn.
  • Minflok tingħata “l-konsiderazzjoni meħtieġa” fejn jidħlu pariri mill-Kabinet dwar il-ħatriet tal-Kummissjoni għall-Impjiegi, il-Prim Ministru għandu jkun marbut minn dawn il-pariri. Din għandha tapplika għall-Kummissjoni Elettorali, il-Kummissjoni għas-Servizzi Pubbliċi u l-Awtorità għax-Xandir.
  • L-inqas perjodu ta’ żmien li persons of trusts jew positions of trust jistgħu ikunu inkarigati għandha tkun miktuba b’mod ċar fil-liġi. Dan l-ingaġġ għandu bżonn bażi kostituzzjonali.

Aqra r-rapport fid-dettall minn hawn.

Ċertifikat pożittiv dwar 6 minn 10 atti u abbozzi ta’ liġijiet – PL

Intant, il-Partit Laburista qal li fl-opinjoni finali tagħha dwar sitta minn għaxar atti u abbozzi ta’ liġijiet li fuqhom kienet tkellmet il-Kummissjoni Venezja f’Ġunju li għadda, “l-istess Kummissjoni tat ċertifikat pożittiv ieħor lil dawn ir-riformi kostituzzjonali bla precedent”. Fi stqarrija, il-PL qal li dawn ir-riformi jvarjaw mill-mod kif jinħatar il-President tar-Repubblika, inqas poteri f’idejn il-Prim Ministru u riformi  fil-ġudikatura. “Ikun aħjar li flok il-ħafna bruda u battibekki politiċi, tingħata l-istampa kif inhi u mhux kif jaqbel li tkun għal skopijiet politiċi”, kompla jgħid il-PL.

Il-Kummissjoni Venenzja turi li sar tibdil fil-liġi b’għaġla u mingħajr djalogu – Repubblika

L-għaqda mhux governattiva Repubblika saħqet li mir-rapport ħareġ ċar li l-Gvern u l-Parlament adottaw tibdil fil-liġi b’għaġla u mingħajr djalogu mas-soċjetà ċivili u mal-istampa ħielsa f’Malta. Żiedet tgħid li “issa l-Gvern qed jintalab mill-Kummissjoni Venezja biex jerġa’ jibdel dawn il-liġijiet il-ġodda biex jikkoreġi ‘l-iżbalji’ li għamel”.

Fi stqarrija, Repubblika insistiet li l-Kummissjoni avżat lill-Gvern li dan it-tip ta’ tibdil fil-liġi u fil-Kostituzzjoni mhux aċċettabbli li jsir mingħajr konsultazzjoni wiesgħa. Sostniet li għaldaqstant il-Gvern għandu minnufih jiftaħ djalogu mas-soċjetà ċivili, “biex ma nerġgħux naħlu sentejn oħra f’riformi zopop u li jipperikolaw id-demokrazija u s-saltna tad-dritt”.

“Ma nitilfux it-tama li din it-twiddiba tal-Kummissjoni Venezja ma tmurx bħall-oħrajn ta’ qabilha, u l-gvern jibda juri impenn sinċier biex Malta ma tibqax maħkuma mill-kriminali u l-korrotti”, żiedet tgħid Repubblika fl-istqarrija.

“Amministrazzjoni li kellha kuraġġ twettaq riformi” – Il-Ministru Zammit Lewis

Permezz ta’ post fuq Facebook, il-Ministru għall-Ġustizzja Edward Zammit Lewis qal li din l-amministrazzjoni kellha l-kuraġġ li bil-fatti twettaq riformi li ebda Gvern ieħor ma wettaq f’dawn l-aħħar 30 sena. Qal li hu kommess li jkompli juża l-opinjoni tal-Kummissjoni Venezja bħala bażi soda, li fuqha jkompli jibni l-ħidma tal-Gvern, f’riformi bla preċedent.

Imħabbra l-Opinjoni finali tal-Kummissjoni Venezja dwar l-għaxar riformi Istituzzjonali u Kostituzzjonali li qed iwettaq…

Posted by Edward Zammit Lewis on Friday, October 9, 2020

Intant, min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru Robert Abela qal li filwaqt li hemm min qed jgħid li l-Gvern qed ikaxkar saqajh, il-Kummissjoni Venezja laqgħet ir-riformi fil-liġi Maltija. Ikkonfermaw li l-pajjiż saħħa is-separazzjoni tal-poteri li huma pass importanti fid-direzzjoni t-tajba.

Min-naħa tiegħu, ir-rapporteur Pieter Omtzigt laqa’ l-opinjoni tal-Kummissjoni Venezja dwar Malta u qal li ħafna minn dak li qalet jirrifletti dak li qal hu fil-passat.

“Konferma għal darb’oħra li l-Gvern Laburista għamel ħsara kbira lis-saltna tad-dritt” – PN

Il-Partit Nazzjonalista, fi stqarrija qal li r-rapport tal-Kummissjoni Venezja għal darb’oħra kkonferma li, kif ilha tgħid l-Oppożizzjoni, il-Gvern Laburista għamel ħsara kbira lis-saltna tad-dritt f’Malta u kisser ir-reputazzjoni tal-pajjiż.

Il-kelliema għall-Oppożizzjoni, Karol Aquilina, Chris Said u Jason Azzopardi, saħqu li f’dan il-proċess huwa kruċjali li l-Gvern Laburista jikkonsulta u jiddjaloga bl-aktar mod wiesgħa u effettiv mhux biss mal-Oppożizzjoni iżda wkoll mas-soċjetà ċivili li lkoll ressqu għadd kbir ta’ proposti validi. “Huwa ta’ għajb għall-Gvern Laburista li minflok, jirrifjuta li jisma’ u jibqa’ jinsisti bil-pożizzjoni tiegħu dwar numru ta’ bidliet li l-Kummissjoni Venezja u l-Oppożizzjoni ilhom jinsistu dwarhom”, żiedu jgħidu.

Rappurtaġġ addizzjonali minn Charmaine Attard.