Read in English.
Il-Kummissjoni Venezja se tiddiskuti direttament mal-għaqda Repubblika r-riforma ġudizzjarja qabel ma twieġeb lill-Gvern fuq il-parir li jixtieq jikseb.
Fi stqarrija, l-għaqda tas-saltna tad-dritt Repubblika qalet li ġiet mistiedna tipparteċipa f’dawn id-diskussjonijiet li se jsiru f’Mejju li ġej. Il-Kummissjoni Venezja infurmat lil Repubblika b’dan fi tweġiba wara li Repubblika kitbet lill-Kunsill tal-Ewropa li l-Gvern injora l-pariri tal-Kummissjoni fir-rapport maħruġ f’Diċembru tal-2018.
F’dan ir-rapport, il-Kummissjoni Venezja kienet irrakkomandat li jsir proċess effettiv ta’ konsultazzjoni mas-soċjetà ċivili qabel ma jsiru bidliet kostituzzjonali.
Il-Gvern bagħat il-proposti tiegħu għal riforma lill-Kummissjoni Venezja mingħajr ma kkonsulta mar-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, u mingħajr ma saret konsultazzjoni pubblika.
Fl-istqarrija tagħha, Repubblika qalet li l-Gvern missu għamel dak li issa se tagħmel il-Kummissjoni Venezja. Saħqet li hu ċar li l-Gvern ma jrid kritika mingħand ħadd.
Dwar din il-kwistjoni, Repubblika fetħet protest ġudizzjarju kontra l-Ministru għall-Ġustizzja Edward Zammit Lewis dan ix-xahar. B’reazzjoni għal dan il-protest ġudizzjarju, il-Gvern ħareġ stqarrija li tgħid li ħadd u xejn mhu se jwaqqaf lill-Gvern milli jressaq il-proposti quddiem il-Kummissjoni Venezja.