Il-Kummissjoni Venezja ma rċevietx il-proposti għar-riforma f’Malta – Omtzigt

Read in English.

Ir-rapporteur dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia u s-Saltna tad-Dritt f’Malta, Pieter Omtzigt, qal li minkejja li l-Gvern Malti kien qal li se jippreżenta dokument bil-proposti għar-riformi f’Malta, hu qatt ma rċieva xi dokumenti tat-tip.

Fi stqarrija fejn kien hemm ukoll ir-reżoluzzjoni tal-PACE tal-2019 dwar is-suġġett, Omtzigt kien qed jirrispondi għall-aħħar żviluppi fil-proċess tar-riforma istituzzjonali f’Malta.

“Meta żort lil Malta fi Frar ħassejtni nkoraġġut wara li l-gvern qalli li kien qed jaħdem fuq pakkett estensiv ta’ proposti għar-riforma u li dan dalwaqt kien se jkun lest biex jiġi ppubblika,” qal Omtzigt. Hu qal ukoll li l-Gvern Malti kien qallu li d-dokument kien se jkun ippreżentat lill-Kummissjoni Venezja biex din tkun tista’ tagħti l-opinjoni tagħha.

“S’issa għadni ma rajt l-ebda dokument,” qal Omtzigt filwaqt li spjega li huwa mħasseb dwar kif qed jiġu żviluppati dawn il-proposti. Qal li r-rapport tiegħu kien innota x-xettiċiżmu ta’ ħafna Maltin li beżgħu li l-proċess ta’ riforma kien se jsir f’diskussjonijiet bejn il-gvern u l-oppożizzjoni minn wara bibien magħluqa. Qal li minkejja li fil-konklużjonijiet kien qal li aġir tat-tip huwa wieħed ħażin, jidher li hekk qed jiġri f’Malta.

Omtzigt insista li għall-Kummissjoni Venezja kien importanti ħafna li jiġu addottati riformi bħala riżultat tal-proċess ta’ konsultazzjoni miftuħa fis-soċjetà. L-assemblea rrakkomandat li r-riformi għandhom jiġu ddissinjati u implementati permezz ta’ proċess miftuħ, inklussiv u transparenti.

Omtzigt insista li l-mod kif jiġu ppreparati dawn il-proposti u jekk ikunux intlaħqu r-rekwiżiti li ħejjiet il-Kummissjoni Venezja, mhux biss se jaffettwa l-leġittimità u kif il-pubbliku inġenerali jaċċetta dawn it-tibdiliet, iżda wkoll se jkun test definittiv ta’ kredibbiltà internazzjonali għall-amministrazzjoni tal-Prim Ministru Robert Abela.