Il-Kummissjoni tirrikonoxxi r-riformi għat-tisħiħ tas-saltna tad-dritt

Věra Jourová

Read in English.

Il-Kummissjoni Ewropea rrikonoxxiet li Malta għamel riformi biex issaħħaħ is-saltna tad-dritt filwaqt li qalet li jeħtieġ aktar riformi speċjalment fuq kif jiffunzjona l-Parlament.

Dan ħareġ mir-rapport annwali dwar ir-rule of law li l-Kummissjoni Ewropew se tibda tippubblika kull sena bl-għajn li jkabbar il-ġabra ta’ għodda li għandha l-Unjoni Ewropea billi tiżdied magħhom għodda preventiva u biex jingħata bidu għal dibattitu inklużiv u għal kultura favur l-istat tad-dritt madwar l-UE.

Ir-rapporti għal kull pajjiż ikopru kemm żviluppi pożittivi kif ukoll negattivi.

Dwar Malta, il-Kummissjoni qalet li seħħu għadd ta’ riformi sinifikanti fis-sistema tal-ġustizzja li ġew adottati unanimament mill-Parlament. Partikolarment ir-rapport isemmi r-riformi tas-sistema tal-ħatriet ġudizzjarji u tal-proċeduri dixxiplinarji li għandhom l-għan li jtejbu l-kontrolli u l-bilanċi billi jillimitaw ir-rwol tal-Prim Ministru u tal-Parlament.

Il-Kummissjoni qalet li dawn ir-riformi seħħew b’risposta għal uħud mir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ta’ Venezja ta’ Diċembru 2018 u għal rakkomandazzjonijiet mill-Kummissjoni Ewropea u l-Kunsill fil-qafas tas-Semestru Ewropew.

Kull ċittadin jistħoqqlu aċċess għal imħallfin indipendenti” – Jourova

Il-Kummissarju Ewropew u Viċi President għall-Valuri u t-Trasparenza Věra Jourová qalet kull ċittadin jistħoqqlu jkollu aċċess għal imħallfin indipendenti, li jibbenifika minn midja ħielsa u pluralistika u li jkollu fiduċja li d-drittijiet fundamentali tiegħu jiġu rispettati. Saħqet li hekk biss inkunu nistgħu ngħidu li l-UE hija Unjoni ta’ demokraziji.

Ir-riformi li jissemmew

Ir-rapport dwar dak li seħħ f’Malta qal li ġew żvelati mudelli ta’ korruzzjoni kbira u qajmu mistoqsijiet fost il-pubbliku biex il-korruzzjoni tiġi indirizzata.

Il-Kummissjoni tgħid li nstab nuqqas li ta’ passi kriminali li jaslu fi tmiemhom f’każijiet ta’ korruzzjoni ta’ livell għoli. Kien għalhekk li l-Kummissjoni smmiet il-proġett wiesa’ ta’ riforma biex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet u jsaħħaħ il-qafas istituzzjonali kontra l-korruzzjoni, inklużi l-infurzar tal-liġi u l-prosekuzzjoni.

Spjegaw li r-riforma f’Malta tinkludi regoli ġodda dwar il-ħatra tal-Kummissarju tal-Pulizija, it-trasferiment tar-responsabbiltajiet tal-prosekuzzjoni – inkluż għal każijiet relatati mal-korruzzjoni – mill-pulizija għall-Avukat Ġenerali, riforma tal-Kummissjoni Permanenti Kontra l-Korruzzjoni, u dispożizzjonijiet ġodda biex jippermettu appelli kontra mhux prosekuzzjoni mill-Avukat Ġenerali.

It-tħassib tal-Kummissjoni dwar Malta

Il-Kummissjoni Ewropea ssemmi l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galzia u tgħid li dan huwa meqjus bħala attakk fuq il-libertà tal-espressjoni u qajjem tħassib dwar il-libertà tal-midja u s-sigurtà tal-ġurnalisti f’Malta.

Oqsma oħra ta’ tħassib jinkludu l-indipendenza effettiva tar-regolatur tal-midja, kif ukoll theddid legali u online għal ġurnalisti investigattivi. Isemmu wkoll li l-kontroll tal-midja miż-żewġ partiti politiċi ewlenin fil-Parlament għandhom effett sinifikanti fuq ix-xenarju tal-midja Maltija.

Ċertifikat pożittiv għar-riformi storiċi – il-Gvern

Il-Gvern qal li qed jilqa’ dan l-iżvilupp bħala ċertifikat pożittiv għar-riformi storiċi li wettqet din l-amministrazzjoni taħt it-tmexxija tal-Prim Ministru Robert Abela.

Il-Gvern fi stqarrija qal li riżultat ta’ din il-ħidma, illum il-Kummissarju Ewropew Didier Reynders iddeskriva lil Malta bħala ‘best practice’ u l-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursola von der Leyen f’ittra li bagħtet f’Lulju lill-Prim Ministru Robert Abela faħħret ir-riformi li wettaq pajjiżna biex tisaħħaħ is-saltna tad-dritt.

Il-Gvern temm jgħid li “qed jirriforma dak li qatt ma nbidel u jipprepara lil Malta għall-futur”.

Ċertifikat ta’ falliment – il-PN

Il-Partit Nazzjonalista qal li dan ir-rapport juri falliment tal-Gvern Malti milli jiżgura li jiġu investigati u mressqa l-Qorti każijiet ta’ korruzzjoni li jinvolvu persuni fl-għola livelli tat-tmexxija.

Fi stqarrija ffirmata mill-Kap Nazzjonalista Adrian Delia u mill-kelliem tal-Oppożizzjoni Karol Aquilina, il-PN qal li l-Kummissjoni ġibdet l-attenzjoni għall-korruzzjoni rampanti. Il-PN qal li dawn huma uħud mill-każijiet ta’ korruzzjoni li rreferiet għalihom il-Kummissjoni:

  • Il-proġett tal-power station tal-Electrogas;
  • Il-korruzzjoni ta’ Keith Schembri, Konrad Mizzi u s-sidien tal-kumpaniji Egrant, 17 Black u Macbridge;
  • Il-bejgħ tat-tliet sptarijiet pubbliċi lil Vitals; u
  • Il-korruzzjoni u l-ħasil ta’ flus minn Keith Schembri u Brian Tonna fil-bejgħ tal-passaporti.

Il-Partit Nazzjonalista tenna l-appell tiegħu biex il-PM jieħu azzjoni konkreta kontra Joseph Muscat li wara l-elezzjoni tal-2013 “ħoloq u ħeġġeġ kultura ta’ impunità li biha l-korruzzjoni saret istituzzjonalizzata u wasslet għall-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia”.