Il-Kummissjoni tiċħad li Juncker kien fis-sakra

Kelliem għall-Kummissjoni Ewropea qal li l-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean-Claude Juncker, sofra minn uġiegħ f’summit tan-NATO iktar kmieni din il-gimgħa, iżda ċaħad dak li sejjaħ spekulazzjoni tal-midja, li l-istess Juncker kien taħt l-effett tax-xorb waqt is-summit.

Il-kummenti qamu wara filmat ta’ Jucker megħjun minn mexxejja oħra tal-Unjoni Ewropea li ttieħed nhar l-Erbgħa filgħaxija. Dan wassal biex il-Gvern Ġermaniż jinsisti li għandu “livell għoli ħafna ta’ ’kunfidenza’ f’Juncker”, li se jirrappreżenta lill-Unjoni Ewropea f’taħditiet kummerċjali fiċ-Ċina, il-Ġappun u l-Istati Uniti aktar tard dan ix-xahar.

Juncker, 63, ilu jitkellem dwar uġigħ f’dahru u f’riġlejh u korrimenti serji li sofra f’inċident bil-karozza fl-1989. Huwa fatt magħruf li Juncker iħobb ix-xorb iżda ċaħad allegazzjonijiet li għandu problema ta’ alkoħol, kwistjoni li kienet imxandra bi prominenza fil-midja meta l-Ingilterra kienet qed tipprova twaqqaf il-ħatra tiegħu erba’ snin ilu.