Il-Kummissjoni tas-Senat Amerikan taqbel ma’ attakk militari fis-Sirja

B’għaxar voti favur, sebgħa kontra u wieħed li astjena, il-Kummissjoni  tas-Senat Amerikan għall-Affarijiet Barranin approvat ir-riżoluzzjoni li ppropona Barack Obama, dik li fis-Sirja għandu jkun hemm intervent militari.

Nhar it-Tnejn li ġej, is-Senat se jieħu l-vot deċiżiv dwar din ir-riżoluzzjoni li qed tipproponi li l-intervent militari jdum sa mhux aktar minn 60 ġurnata.

Madanakollu qed jingħad li l-perjodu tal-intervent jitla’ għal 90 ġurnata bil-patt u l-kundizzjoni li ebda suldat Amerikan ma jirfes saqajh fis-Sirja.

Skont l-aħħar stimi, jidher li 80% tar-repubblikani li hemm fis-Senat huma kontra l-atttakk.  Huma biss tlieta r-repubblikani li diġà vvutaw iva: Bob Corker, John McCaine u Jeff Flake.

Il-Kungress Amerikan ilu minn Ottubru tal-2002 ma jivvota dwar azzjoni militari, wara li l-President ta’ dak iż-żmien, George W. Bush ried jidħol fl-Iraq.