Il-Kummissjoni tal-Vatikan għall-Protezzjoni tat-Tfal ma tinvestigax abbużi

Il-Kardinal O'Malley jindirizza lill-Kummissjoni fil-preżenza tal-Papa Franġisku

Il-Kummissjoni tal-Vatikan għall-Protezzjoni tat-Tfal fil-Knisja fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet iltaqgħet f’Ruma fejn semgħet numru ta’ vittmi ta’ abbuż filwaqt li nsistiet li m’għandhiex l-inkarigu li tinvestiga dawn il-każi individwali. Id-disa’ sessjoni tal-Kunnissjoni twaqqfet mill-Papa Franġisku fl-2014

Il-membri semgħu żewġ testimonjanzi minn persuni li ntlaqtu minn abbuż sesswali minn membri tal-kleru meta kienu għadhom żgħar. Wieħed mix-xhieda kien vittma hu nnifsu filwaqt li t-testimonjanza l-oħra ngħatat minn omm li tnejn minn uliedha – llum adulti – kienu abbużati fi tfulithom. Il-Kummissjoni rringrazzjathom li resqu ‘l quddiem biex jixhdu, għall-kuraġġ li wrew u għall-kontribut tagħhom fil-ħidma tal-Kummissjoni.

Fi stqarrija ntqal li l-membri tal-Kummissjoni tkellmu wkoll dwar “żviluppi riċenti fil-Knisja li laqtu ħażin ħafna nies, familji u komunitajiet insara, b’riferenza għar-rapport tal-Grand Jury ta’ Pennsylvania u l-każ tal-ex Kardinal Mc Carrick.

Il-Kardinal Sean O’Malley, il-President tal-Kummissjoni qal lil lill-aġenzija Vatican News li meta jmur għal dawn il-laqgħat dejjem jieħu miegħu vittma ta’ dawn l-abbużi, biex jenfasizza l-importanza li wieħed jisma lill-vittmi.

“Li nġibu l-vuċi ta’ min sofra mill-abbuż quddiem it-tmexxija tal-Knisja hu kruċjali jekk in-nies iridu jifhmu kemm hu mportanti għall-Knisja li twieġeb u b’mod korrett kull darba li tinqala xi sitwazzjoni bħal din.”

“Fid-dawl tas-sitwazzjoni preżenti aħna naraw kif, jekk il-Knisja mhux kapaċi tirrispondi bil-qalb u tagħmel dan prijorità tagħha, l-attività kollha ta’ evanġeliżazzjoni, opri tal-ħniena u edukazzjoni, kollha se jbatu. Din hi prijorità li rridu naħdmu fuqha issa”, insista l-Kardinal.

L-istqarrija titkellem ukoll dwar il-bżonn ta’ kooperazzjoni akbar ma’ uffiċċji oħra tal-Vatikan. Il-Kummissjoni enfasizzat li x-xogħol tagħha mhux li tinvestiga l-abbużi imma li ma tħallihomx isiru – tipprevenihom.

“Xi drabi n-nies isejħuli President tal-Kummissjoni tal-abbużi sesswali. Jien nikkoreġihom u ngħid li le, xogħlna hu li nipproteġu l-minuri. Aħna mhux korp li nidħlu f’każi tal-passat jew sitwazzjonijiet partikolri ta’ abbuż,” qal il-Kardinal O’Malley.

“Qed nippruvaw nibdlu l-futur biex ma jkunx hemm ripetizzjoni ta’ dawn l-istejjer ta’ dwejjaq u dan nagħmluh billi nagħtu rakkomandazzjonijiet lill-Papa u nippromwovu prattiċi tajba u linji gwida dwar  is-salvagwardja, il-prevenzjoni, programmi edukattivi għall-formazzjoni ta’ mexxejja biex l-Isqfijiet, qassisin u reliġjużi jkunu konxji mis-serjetà ta’ dan il-problemi u jkollhom l-għodda biex jirrispondu u jpoġġu l-ħarsien tat-tfal u l-kura pastorali tal-vittmi bħala prijorità. Dan hu xogħlna,” qal O’Malley.