Il-Kummissjoni tal-Isqfijiet Ewropej tappoġġja l-Korp għal solidarjetà Ewropea

Il-Kummisssjoni tal-Konferenza tal-Isqfijiet tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea (COMECE) qed tagħti l-appoġġ tagħha lill-Korp ta’ solidarjetà Ewropea – inizjattiva ġdida li tħeġġeġ il-volontarjat fost iż-żgħażagħ Ewropej.
Il-Konferenza appellat lill-Unjoni Ewropea biex tidentifika oġġettivi ċari għall-ħidma ta’ dan il-Korp u tipprovdi l-finanzjament meħtieġ biex dan ikun jista’ jaħdem sew.
Dan il-Korp għandu joħloq opportunitajiet ġodda għaż-żgħażagħ biex jivvolontarjaw biex jaħdmu fi proġetti f’pajjiżhom stess jew f’pajjiżi oħra, liema proġetti jkunu ta’ benefiċċju għal komunitajiet u popli madwar l-Ewropa.
Wieħed jista’ jirreġistra biex jidħol f’dan il-Korp wara li jagħlaq l-eta’ ta’ 17-il sena, iżda ma jibdiex il-volontarjat qabel jagħlaq it-18-il sena. Wieħed jista’ jibqa’ jieħu sehem f’dawn il-proġetti sakemm jagħlaq it-30 sena.
Il-voluntiera jistgħu jkunu msejħa biex joffru l-ħidma volontarja tagħhom f’diversi proġetti fosthom għajnuna biex ikunu evitati diżastri naturali jew ħidma wara li tali diżastri jseħħu; jassistu f’Ċentri għal persuni li qed ifittxu Ażil, jew jaħdmu biex ikunu ndirizzati diversi problem soċjali fis-soċjeta’.
Din hi inizjattiva li għandha l-iskop li tlaqqa’ flimkien żgħażagħ minn diversi pajjiżi Ewropej biex flimkien jaħdmu biex tinbena soċjeta’ aktar inklussiva, jgħinu persuni vulnerabbli u jindirizzaw il-bidliet fis-soċjeta’. Din għandha tkun esperjenza mill-isbaħ għal żgħażagħ li jixtiequ jgħinu lil ħaddieħor, jitgħallmu u jiżviluppaw il-personalità tagħhom infushom.