Il-Kummissjoni Malta-Alġerija terġa’ tibda tiltaqa’ bl-ewwel laqgħa f’Malta

Il-Kummissjoni bejn Malta u l-Alġerija, li ilha wieqfa mis-snin Tmenin, se terġa’ tibda titlaqqa’, bl-ewwel laqgħa tagħha se ssir f’Malta.
Il-Prim Ministru ħabbar dan fl-Alġerija hekk kif stieden lill-Prim Ministru Alġerin, li laqa’ l-istedina.
Joseph Muscat qed imexxi delegazzjoni ta’ negozjanti Maltin fl-Alġerija bi skop ta’ iktar negozju mal-pajjiż.
Il-Prim Ministru qal li jeżisti potenzjal kbir ta’ koperazzjoni u investiment bejn iż-żewġ Gvernijiet, fosthom fit-turiżmu, fil-qasam tas-saħħa u fl-enerġija. Spjega li Malta qed tħares li ssaħħaħ ir-relazzjonijiet marittimi, mhux biss mal-Ewropa imma anke man-naħa t’isfel tal-Mediterran.
Iż-żewġ mexxejja kellhom kliem ta’ tifħir rispettiv għar-rwol fil-kwistjoni tal-Libja, bit-tnejn jisħqu fuq l-importanza ta’ paċi u stabilità fir-reġjun.
Il-Prim Ministru Malti qal li ż-żjara saret xorta minkejja l-attakki terroristiċi f’Pariġi, u qal li b’hekk ried jikkonferma l-koperazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi.
Mal-Prim Ministru hemm ukoll il-Ministru tal-Enerġija, Konrad Mizzi, u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin, George Vella. 
Ritratti: DOI – Clifton Fenech