Il-Kummissjoni Ewropea tqis li f’Malta m’għandux isir insib

Kelliema għall-Kummissjoni Ewropea qalet ma’ Newsbook.com.mt li l-Kummissjoni tqis li l-insib m’għandux isir f’Malta.
Qalet li dan huwa l-punt fundamentali ta’ nuqqas ta’ qbil li hawn bejn il-Kummissjoni u l-Gvern Malti dwar l-insib u kien għalhekk li l-Kummissjoni għażlet li tressaq il-każ quddiem il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja.
Dan sabiex il-Qorti Ewropea tiddeċiedi hi x’għandu jsir.
Fir-reazzjoni meta ġie kkonfermat li għal darb’oħra Malta kienet se tispiċċa quddiem il-Qorti Ewropea minħabba l-insib, il-Gvern Malti kien enfasizza li matul il-laqgħat li kienu saru mal-Kummissjoni Ewropea, kien hemm għarfien komuni fuq diversi aspetti legali tad-deroga biex ikun possibbli li jsir l-insib.
Għall-mistoqsijiet ta’ Newsbook.com.mt, il-kelliema tal-Kummissjoni kkonfermat li dawn il-laqgħat tekniċi kienu saru s-sena li għaddiet, iżda enfasizzat li ma kienx hemm qbil fuq il-prinċipju għar-raġuni għalfejn għandu jsir l-insib.
Il-każ kien tressaq għall-attenzjoni tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja fl-24 ta’ Settembru li għadda u jirrigwardja seba’ speċi tal-għasafar tal-għana.
Fl-istqarrija uffiċjali, il-Kummissjoni Ewropea enfasizzat kif f’Ottubru tas-sena li għaddiet kienet diġà nfurmat lill-Gvern Malti biex ma jiftaħx l-istaġun tal-insib.
Saret referenza għall-Artiklu 9 tad-Direttiva Ewropea tal-Għasafar u li tisħaq kif deroga tista’ tiġi applikata biss jekk ma jkunx hemm soluzzjoni sodisfaċenti fost l-oħrajn għall-interess tas-saħħa pubblika, is-sigurtà, is-sigurtà tal-ajru, ħsara lil setturi ambjentali u l-protezzjoni tal-flora u l-fawna.
Il-Kummissjoni reġgħet tenniet li skont l-istess direttiva Ewropea mhux possibbli li jsir l-insib.