Il-Kummissjoni Ewropea tniedi l-konkors tal-2019 tat-traduzzjoni għall-iskejjel

Read in English.

Il-Kummissjoni Ewropea llum ħabbret it-13-il edizzjoni tal-kompetizzjoni annwali tagħha Juvenes Translatores għall-istudenti tal-iskejjel sekondarji mill-Ewropa kollha.

Mit-2 ta’ Settembru, l-iskejjel mill-Istati Membri kollha tal-UE se jkunu jistgħu jirreġistraw online sabiex l-istudenti tagħhom jikkompetu ma’ studenti oħra bħalhom mill-Ewropa kollha.

Din is-sena, iż-żgħażagħ li jkunu qed jieħdu sehem se jkollhom jittraduċu test b’tema li tiffoka fuq dak li jistgħu jagħmlu ż-żgħażagħ biex jgħinu fit-tiswir tal-futur tal-Ewropa.

Il-Membru tal-Kummissjoni responsabbli mill-baġit, ir-riżorsi umani u t-traduzzjoni, Günther H. Oettinger, stqarr: “Fl-Ewropa, ninsabu kuntenti li nitkellmu u nifhmu lil xulxin f’aktar minn għoxrin lingwa differenti. Inħoss sodisfazzjon kbir meta nara li ż-żgħażagħ japprezzaw il-benefiċċji li jġib miegħu it-tagħlim ta’ lingwi barranin, u huma ħerqana jitgħallmu dejjem aktar. Inħeġġiġhom jieħdu sehem fil-kompetizzjoni Juvenes Translatores ta’ din is-sena sabiex juru l-ħiliet lingwistiċi impressjonanti tagħhom.”

Il-parteċipanti se jkollhom il-possibbiltà li jittraduċu minn lingwa għal oħra tal-għażla tagħhom minn fost l-24 lingwa uffiċjali tal-UE (552 kombinament possibbli ta’ lingwi). Fl-edizzjoni tal-kompetizzjoni tas-sena l-oħra, l-istudenti użaw total ta’ 154 kombinament ta’ lingwi.

Ir-reġistrazzjoni għall-iskejjel — li hija l-ewwel stadju ta’ proċess maqsum f’żewġ fażijiet — tagħlaq fl-20 ta’ Ottubru 2019, f’nofsinhar. Il-formola tar-reġistrazzjoni tista’ timtela bi kwalunkwe waħda mill-24 lingwa uffiċjali tal-UE.

Imbagħad, il-Kummissjoni Ewropea se tistieden 751 skola għall-istadju suċċessiv. L-għadd ta’ skejjel minn kull pajjiż li se jkunu qed jieħdu sehem se jkun ugwali għan-numru ta’ siġġijiet li l-pajjiż għandu fil-Parlament Ewropew, bl-iskejjel jintgħażlu b’mod aleatorju minn kompjuter.

Wara, l-iskejjel magħżula jridu jinnominaw bejn 2 u 5 studenti biex jieħdu sehem fil-kompetizzjoni. L-istudenti jistgħu jkunu ta’ kwalunkwe nazzjonalità, iżda jridu jkunu kollha tal-istess sena u mwielda fl-2002.

Il-konkors se jsir fil-21 ta’ Novembru 2019 fl-istess ħin fl-iskejjel kollha li se jkunu qed jieħdu sehem. Il-kompetizzjoni se tibda ssir online minn din is-sena.

Ir-rebbieħa — wieħed minn kull pajjiż — se jitħabbru sal-bidu ta’ Frar 2020. Dawn jingħataw il-premjijiet tagħhom fir-rebbiegħa tal-2020 waqt ċerimonja speċjali fi Brussell.

Matul iż-żjara tagħhom fil-belt kapitali tal-Belġju, l-istudenti se jkollhom l-opportunità jiltaqgħu ma’ tradutturi professjonisti mid-dipartiment tat-traduzzjoni tal-Kummissjoni Ewropea — l-istess persuni li jkunu evalwaw it-traduzzjonijiet tagħhom — u jitkellmu dwar ix-xogħol fil-lingwi.