Il-Kummissjoni Ewropea tista’ twarrab l-abbozz fuq il-leave tal-maternità

Id-diskussjoni fuq direttiva Ewropea dwar il-leave tal-maternità ilha wieqfa għal madwar erba’ snin bit-theddida li tispiċċa ma tiġix implimentata.
L-abbozz għad-direttiva kien tressaq quddiem il-Parlament Ewropew fl-2010 bil-għan li jissaħħu d-drittijiet tan-nisa billi jiġi żgurat li, madwar l-Unjoni Ewropea kollha, in-nisa jingħataw 20 ġimgħa leave tal-maternità mħallsa.
L-abbozz jitlob li tissaħħaħ il-protezzjoni biex in-nisa jkollhom tarbija jkunu jistgħu jirritornaw lura għall-post tax-xogħol tagħhom mingħajr xkiel.
Għaldaqstant fil-ġranet li għaddew, korrispondenza tal-Kummissjoni Ewropea nkludiet l-abbozz għal din id-direttiva fil-lista tal-miżuri li jistgħu jitwarrbu minħabba li d-diskussjoni waqfet.
Il-European Women’s Lobby tinsab urtata għall-fatt li dan l-abbozz jista’ jispiċċa taħt it-tapit jew jitwarrab għall-kollox wara li qatt ma resaq quddiem il-Kunsill Ewropew.
Il-mexxejja Ewropew huma mistennija li jiddiskutu din il-proposta iżda m’hawnx data stabbilita u għalhekk mhix qed tinħass urġenza.
Dan meta fi kliem il-European Women’s Lobby, figuri Ewropej juru li l-ħaddiema nisa qed jiġu mwarrba minn min iħaddem għaliex ikunu qed jistennew tarbija.
Fid-dawl tat-tibdil fit-tmexxija tal-Kummissjoni Ewropea, il-European Women’s Lobby qed tappella lil Jean-Claude Juncker, li mistenni jieħu post Barroso, biex jikkunsidra li d-direttiva ma tiġix imwarrba.
Fl-ittra li ntbagħtet lil Juncker jingħad li din id-direttiva ssaħħaħ id-drittijiet tan-nisa Ewropej meta f’pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea hemm nisa li mhux qed jingħataw il-paga sħiħ fil-ġimgħat meta jkunu bil-leave tal-maternità.