Il-KE tippreżenta proposti għal bidu mill-ġdid għat-turiżmu

Read in English.

Il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat pakkett ta’ rakkomandazzjonijiet u linji gwidi bl-għan li tippermetti lill-Istati Membri jneħħu bil-mod il-mod ir-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar u jibdew jerġgħu jiftħu n-negozji fil-qasam tal-ospitalità, fir-rispett tal-prekawzjonijiet meħtieġa fil-qasam tas-saħħa. Dan għandu l-għan ukoll li jgħin lis-settur tat-turiżmu jirkupra mill-pandemija.

Fi stqarrija, l-istituzzjoni Ewropea qalet li “hekk kif is-sitwazzjoni tas-saħħa titjib, kulħadd għandu dritt jingħaqad mal-familja u l-ħbieb tiegħu, f’pajjiżu jew barra, sakemm jittieħdu l-miżuri u l-prekawzjonijiet kollha meħtieġa.”

L-għan tal-Kummissjoni hu li tagħti lin-nies il-ħila, il-kunfidenza u s-sigurtà li jerġgħu jivvjaġġaw u talbet li jekk ma jkunx possibbli li r-restrizzjonijiet jitneħħew mill-pajjiż kollu, dan għandu jibda f’postijiet fejn is-sitwazzjoni hija aħjar. 

Fir-rakkomandazzjonijiet tagħha, l-UE qalet li l-Istati Membri, qabel ma jiftħu l-fruntieri tagħhom, għandhom jaraw tliet kriterji: l-aspett epidemjoloġiku, billi jagħtu preċedenza lil dawk iż-żoni, fuq pariri tal-awtoritajiet tas-saħħa, fejn is-sitwazzjoni tjibiet; il-ħila li jimplimentaw is-salvagwardji u r-restrizzjonijiet meħtieġa, b’mod partikolari fil-postijiet tal-fruntieri, u aspetti ekonomiċi u soċjali, fejn għandha tingħata priorità lil dawk involuti f’attivitajiet kruċjali kif ukoll li jeħtieġu jivvjaġġaw għal raġunijiet personali.

Il-Kummissjoni Ewropea saħqet li dan il-proċess m’għandux ikun diskriminatorju, u meta jinfetħu l-fruntieri, dan għandu jippermetti vjaġġar minn kull reġjun u pajjiż fl-UE li jkun qed juri li s-sitwazzjoni tas-saħħa tkun f’qagħda simili.

Il-proposti jinkludu wkoll sensiela ta’ miżuri intiżi li jnaqqsu l-kuntatt bejn il-passiġġieri u l-ħaddiema tal-operaturi tat-trasport waqt il-vjaġġi tagħhom, dwar l-użu ta’ maskri protettivi u l-protokolli li għandhom jiġu segwiti f’każ li xi pazjenti juru sintomi tal-virus. 

L-UE appellat biex l-Istati Membri jaħdmu flimkien biex il-contact tracing apps ikunu jistgħu jaħdmu fil-pajjiżi differenti iżda jkunu dejjem volontarji, trasparenti, temporanji u siguri, bit-tagħrif jibqa’ dejjem anonimu.

Suġġett li fl-aħħar ġimgħat kien ta’ kontroversja fuq il-midja soċjali kien dak tal-possibbiltà li meta jiġu kkanċellati titjiriet, il-konsumaturi jingħataw vawċers minflok ħlas lura. Skont ir-regoli tal-UE, minn jivvjaġġa għandu dritt li jagħżel, iżda l-Kummissjoni qed tirrakkomanda li l-vawċers isiru soluzzjoni aktar vijabbli. Dan fid-dawl tad-daqqa finanzjarja qawwija li sofrew il-linji tal-ajru. Għalhekk, il-Kummissjoni trid li dawn il-vawċers ikunu assigurati kontra r-riskju li jfalli l-operatur, jibqgħu valdii għal sena u jkunu jistgħu jitħallsu ura mill-operatur jekk ma jintużawx sa sena. L-UE trid li dawn il-vawċers jippermettu lill-passiġġieri jibbukkjaw vjaġġ bl-istess kundizzjonijiet u li jkun ukoll trasferibbli lejn persuni oħra.

Barra minn dan kollu, il-Kummissjoni kkonfermat l-importanza li jkunu allokati fondi sostanzjali għal dan is-settur li huwa pern tal-ekonomija għal bosta Stati Membri tal-UE.

Il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, Margaritis Schinas, qalet li “it-turiżmu hu  kruċjali mhux biss għas-suq komuni iżda huwa kontributur importanti għall-istil ta’ ħajja ekonomiku, soċjali u kulturali tal-UE u għal-libertajiet tagħna. Dan is-settur sofra impatt qawwi bil-miżuri restrittivi meħtieġa biex tkun miġġielda l-pandemija. Hekk kif l-Istati Membri qed ineħħu gradwalment dawn il-miżuri, qed inħejju l-bażi biex ngħinu l-eko-sistema turistika tirpilja b’mod sigur, proporzjonat u li tipprevjeni li l-virus jerġa’ jerfa’ rasu, filwaqt li nipproteġu l-istil ta’ ħajja tagħna”.