“Il-Kummissjoni Ewropea qed tgħid lill-poplu Malti biex ma jbiddilx id-direzzjoni” – Dr Gonzi

Waqt djalogu fl-Imġarr Malta, l-Prim Ministru u Kap tal-Partit Nazzjonalista Lawrence Gonzi sostna li f’dawn il-ħames snin, saru ħafna proġetti biex dan il-pajjiż sar aħjar. B’referenza għal park li kien inawgurat aktar kmieni dalgħodu f’Wied il-Għajn, Dr Gonzi sostna li biċċa art li kienet miżbla saret art għall-familja kollha.

Dr. Gonzi sostna li l-Kummissjoni Ewropea qed tgħid lill-poplu Malti biex ma jbiddilx id-direzzjoni għax pajjiżna għandu t-tieni l-aqwa rata tat-tkabbir ekonomiku u għalhekk ix-xogħol se jkompli jinħoloq u se jkun hawn inqas qgħad. Dr Gonzi żied jgħid li l-Partit Laburista ma jafx kif se joħloq ix-xogħol iżda mill-Partit Laburista tisma’ biss li l-Mexxej Laburista ammetta li gideb. Dr Gonzi sostna li wara kulħadd bravu izda biex tamministra trid tħares u ssegwi minn qabel u mhux wara.

Hekk kif ninsabu ġimgħatejn qabel l-elezzjoni ġenerali, Dr Gonzi sostna li l-poplu jrid jagħmel l-għażla u ma jistax jafda lil Dr Muscat li l-anqas biss irrapporta l-każ ta’ droga u dan filwaqt li l-Partit Nazzjonalista dejjem imur għand il-pulizija biex tinvestiga.

Intant, aktar qabel tkellem is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Paul Borg Olivier li insista li l-Mexxej Laburista Joseph Muscat għandu jirtira l-kandidatura tiegħu wara li ammetta li żbalja meta ma rrappurtax l-allegat każ ta’ traffikar ta’ droga fil-każin Laburista ta’ Ħal Safi. Paul Borg Olivier sostna li ladarba Dr Muscat kien jaf bil-każ, dan għandu jirriżenja.