Il-Kummissjoni Ewropea qed taffaċċja dewmien

Read in English.

Il-Kummissjoni Ewropea mmexxija mill-President-elett Ursula von der Leyen mistennija li tibda x-xogħol tagħha aktar tard minn dak previst. Dan ikun ifisser li anke l-Kummissarju Ewropew nominate minn Malta Helena Dalli tibda tokkupa l-kariga tagħha aktar tard din is-sena, b’rapporti jgħidu li minflok fl-1 ta’ Novembru, l-Kummissjoni l-ġdida tieħu postha f’Diċembru.

Rapport ippubblikat mill-Politico jgħid li mhux l-Ingliżi biss qed jirrimandaw ħajja ġdida wara Brexit, iżda anki l-Ewropej. Wara li l-Parlament Ewropew ċaħad in-nomina tal-Kummissarju Ewropew nnominata mill-Gvern Franċiż Sylvie Goulard, il-pjanijiet biex il-Kummissjoni Ewropea l-ġdida tibda xogħolha fl-1 ta’ Novembru m’għadhiex realtà. Goulard ma ġietx aċċettata mill-Membri Parlamentari Ewropej fuq allegazzjonijiet ta’ użu ħażin ta’ fondi pubbliċi.

Kelliem għall-Parlament Ewropew ġie kkwotat jgħid li huwa kważi impossibbli li l-MEPs jivvutaw għall-Kummissjoni l-ġdida fil-plenarja tat-23 ta’ Ottubru. Dan id-dewmien jista’ jwassal biex l-MEPs jivvutaw fil-plenarja ta’ Novembru u b’hekk jieħdu posthom fil-bidu ta’ Diċembru.