Awdjo: Sqallija tilqagħhom wara 60 siegħa bejn sema u ilma

L-Awtoritajiet Taljani taw il-permess lill-ekwipaġġ fuq il-Golfo Azzurro biex wara 60 siegħa bejn sema u ilma, iniżżlu t-tliet immigranti fil-port ta’ Pozzallo. Dan ġie kkonfermat ma’ Newsbook.com.mt mil-Kap tal-kommuikazzjoni tal-NGO Open Arms, Laura Lanuza
Aktar kmieni, Il-Kap tal-ekwipaġġ fuq il-bastiment Golfo Azzurro, Riccardo Gatti, qal ma’ Newsbook.com.mt li l-NGO Open Arms iffirmat il-Kodiċi ta’ Etika għal dawk l-għaqdiet involuti fit-tiftix u s-salvataġġ tal-immigranti.
Il-bastiment Golfo Azzuro kien ilu 60 siegħa jistenna li jingħata permess biex jidħol f’port, iżda l-awtoritajiet Maltin u dawk Taljani ma kinux jaċċettawh għax fost l-oħrajn qalu li NGO ma ffirmatx il-kodiċi ta’ etika.
Ma’ Newsbook.com.mt anke l-Membru Parlament Taljana Laura Ravetto qalet li l-Italja għandha taċċetta l-bastiment biss, jekk l-NGO tiffirma l-kodiċi ta’ etika. L-istess argument għamlu l-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista f’Malta David Stellini.
Iżda, Riccardo Gatti qal li ċ-Ċentru għall-Koordinament tas-Salvataġġ fuq il-Baħar, ibbażat f’Ruma, kien ilu ġimgħa infurmat li l-NGO se tiffirma l-kodiċi ta’ etika u li l-iffirmar formali sar ilbieraħ stess.
Il-Kap tal-Kommunikazzjoni tal-NGO, bagħtet lil Newsbook.com.mt kopja tal-istqarrija, datata 2 ta’ Awwissu, li fiha Open Arms infurmat lill-awtoritajiet f’Ruma, li minkejja li ma taqbilx għal kollox mal-lingwaġġ użat fil-kodiċi ta’ etika, xorta waħda kienet se tiffirmah.
Mistoqsi dwar x’komunikazzjoni saret mal-awtoritajiet Maltin, Gatti qal li minn l-informazzjoni li rċevew abbord il-Golfo Azzurro, jidher li hemm nuqqas ta’ qbil bejn il-Gvern Malti u dak Taljan, dwar min għandu jirċievi dawn it-tliet immigranti.
Min-naħa tiegħu Riccardo Gatti qal li l-immigranti ġew salvati madwar mitt mil ‘il bogħod mill-kosta Libjana u din iż-żona taqa’ fiż-żona tat-tiftix u s-salvataġġ ta’ Malta (SAR) u kien għalhekk li talbu lill-awtoritajiet Maltin biex jitħallew jidħlu Malta.
Mistoqsi dwar ikel, xorb u mediċina abbord, Riccardo Gatti qal li ma hemm l-ebda problema għax il-bastiment ikollu biżżejjed provvista għal 500 persuna. Saħaq li kieku kien hemm ħafna aktar immigranti minn tlieta, is-sitwazzjoni kienet tkun ħafna agħar wara 60 siegħa jistennew.
“Għaliex Malta ma taċċettax 3 immigranti, meta aħna aċċettajna mijiet?” – MP Taljana
Il-Membru Parlamentari Taljana f’isem Forza Italia, Laura Ravetto, staqsiet għaliex Malta mhux qed taċċetta li tieħu tliet immigranti u qed titfa’ l-piż fuq l-Italja li ilha xhur tilqa’ mijiet.
Ma’ Newsbook.com.mt, Ravetto kienet qed tirreaġixxi għall-każ tal-bastiment Golfo Azzurro, li ilu aktar minn 48 siegħa jistenna biex jidħol f’port.
Ravetto, li hija wkoll il-President tal-Kumitat Schengen, saħqet li Malta hija parti mill-Unjoni Ewropea u għandha turi solidarjetà u terfa’ r-responsabbilità tagħha.
Fl-aħħar xhur, Ravetto kienet kritika ħafna għall-fatt li Malta, għall-aħħar sena, ma ħadet l-ebda immigranti li ġew salvati fuq il-baħar u kienet saħansitra ħeġġet lill-Gvern Taljan biex jagħlaq il-portijiet tiegħu.
Ravetto fakkret li Malta għandha l-kompetenza taż-żona SAR (Search and Rescue), li tkopri 250 kilometru kwadru. Fi kliemha, huwa għalhekk, li skont il-Liġi Internazzjonali, Malta għandha tkun l-ewwel pajjiż li tilqa’ l-immigranti.
Il-Membru Parlamentari kompliet tispjega li l-Liġi Internazzjonali tgħid ċar u tond li l-immigranti għandhom jittieħdu fl-aktar port viċin u sigur. Saħqet li f’dan il-każ hija Malta.
Dwar jekk il-Gvern Taljan qattx ilmenta kontra Malta, Ravetto qalet li din hija l-problema l-kbira u li għalhekk l-Oppożizzjoni Taljana qed tikkritika lill-Gvern.
Ravetto saħqet li lilhinn minn dan kollu, din hija kwistjoni internazzjonali u għalhekk Malta u l-Italja ma għandhomx jitħallew waħedhom.
Kien hawn li Laura Ravetto saħqet li flok jimpikaw, Malta u l-Italja għandhom jifformaw alleanza biex jinbidel it-Trattat ta’ Dublin u jagħmlu pressjoni fuq l-Istati Membri u l-komunità internazzjonali, biex il-piż jinqasam fost kulħadd.
Kif għamlet fl-aħħar xhur, il-President tal-Kumitat Schengen appellat li jinfetħu “kurituri umanitarji,” fl-ajru u mhux fuq il-baħar, u li minnhom jibbenefikaw “immigranti ta’ vera” li qed jaħarbu mill-gwerer.
“La Malta, la l-Italja u lanqas ħadd, ma għandu jaċċetta immigranti ekonomiċi imma kulħadd huwa fid-dmir li jaċċetta immigranti li qed jaħarbu mill-gwerra,” saħqet Ravetto.
Dwar jekk l-Italja għandhiex taċċetta l-Golfo Azzuro, ġaladarba l-bastiment jinsab viċin Pozzallo, Ravetto saħqet li l-Gvern Taljan għandu jaċċetta dan il-bastiment biss, jekk l-NGO responsabbli minnu (Open Arms), tiffirma l-kodiċi ta’ etika, li fost affarijiet oħra jorbot lill-NGOs biex ma jikkollaborawx mat-traffikanti.
Il-Kummissjoni Ewropea infurmata bil-każ tal-Golfo Azzuro
Il-Kummissjoni Ewropea qalet li tinsab infurmata bil-każ tal-bastiment Golfo Azzurro li ilu aktar minn 48 sena jistenna deċiżjoni f’liema port se jidħol.
Skont is-sit tal-aħbarijiet Ansa.it, kelliem għall-Kummissjoni Ewropea ikkonferma li jaf bil-każ iżda saħaq li ma għandu l-ebda dettalji.
L-istess kelliem insista ma’ dan is-sit li f’każijiet simili ta’ salvataġġ u għajnuna fuq il-baħar, hemm bżonn koordinament u kooperazzjoni bejn il-pajjiżi membri, skont il-Liġi Internazzjonali dwar l-Ibħra.
Intant, Newsbook.com.mt qed jipprova jagħmel kuntatt mal-Gvern dwar l-aħħar żviluppi.
Il-Gvern ma jweġibx
Intant Newsbook.com.mt ilu jumejn jipprova jġib reazzjoni min-naħa tal-Gvern dwar dan il-każ.
Sa issa għadu mingħajr risposta.

Filmat: Ian Noel Pace