Il-Kummissjoni Ewropea bi ftehim dwar ix-xiri tal-vaċċin

FILE PHOTO: A small bottle labeled with a "Vaccine" sticker is held near a medical syringe in front of displayed "Coronavirus COVID-19" words in this illustration taken April 10, 2020. REUTERS/Dado Ruvic/Illustration -/File Photo

Illum il-Kummissjoni Ewropea laħqet l-ewwel ftehim tagħha mal-kumpanija farmaċewtika AstraZeneca biex tixtri l-vaċċin kontra l-coronavirus li hemm fi stadju avvanzat. Dan ħareġ fi stqarrija tal-Kummissjoni Ewropea llum. Intqal ukoll li parti mill-ftehim jinkludi donazzjonijiet lil pajjiżi ta’ dħul baxx jew medju jew li jitqassam ukoll lil pajjiżi Ewropej.

L-istqarrija spjegat li dan il-ftehim sar wara l-passi pożittivi dwar il-konklużjoni tat-taħditiet esplorattivi ma’ Sanofi-GSK li tħabbru fil-31 ta’ Lulju u Johnson & Johnson li tħabbru lbieraħ, 13 ta’ Awwissu. Ladarba l-vaċċin ikun ippruvat bħala sigur u effettiv kontra l-coronavirus, il-Kummissjoni issa qablet li tixtri 300 miljun doża tal-vaċċin ta’ AstraZeneca, biċ-ċans li tixtri 100 miljun oħra f’isem l-istati membri tagħha. Il-Kummissjoni qed tkompli bi ftehimiet simili ma’ manifatturi oħrajn.

Il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen qalet li n-negozjati intensi li qed tagħmel il-Kummissjoni qed ikomplu jwasslu r-riżultati. Intant, il-Kummissarju għas-Saħħa u s-Sigurtà tal-Ikel Stella Kyriakides qalet li l-ħidma se tkompli biex ikompli jsir akkwist ta’ aktar vaċċini b’potenzjal. Qalet li l-vaċċin se jibqa’ l-istrateġija l-aktar sigura biex id-dinja toħroġ mill-perjodu ta’ kriżi li ġab miegħu l-coronavirus.

Kien spjegat li l-ftehim approvat illum se jkun iffinanzjat mill-Emergency Support Instrument, li għandu fondi ddedikati għall-kreazzjoni ta’ portfolio ta’ vaċċini b’potenzjal bi profili differenti u li qed ikunu prodotti minn diversi kumpaniji.

Il-vaċċin ta’ AstraZeneca jinsab f’fażi avvazata tal-ittestjar wara li wera riżultati sodisfaċenti fil-fażi ta’ qabel.