Il-Kummissjoni Emigranti tingħaqad mal-Papa biex l-Ewropa tgħin aktar lill-immigranti

It-Taqsima Refuġjati tal-Kummissjoni Emigranti tingħaqad mal-Papa Franġisku fit-tama tiegħu li l-istituzzjonijiet kompetenti, speċjalment fil-livell Ewropew, ikunu iktar kuraġġużi u ġenerużi fl-għajnuna lir-refuġjati u lill-immigranti.
Il-Papa esprima din it-tama f’messaġġ li bagħat lill-Arċisqof Francesco Montenegro ta’ Agrigento fl-anniversarju taż-żjara li għamel f’Lulju 2013 f’Lampedusa, meta talab għall-immigranti Afrikani li tilfu ħajjithom meta nqalbet id-dgħajsa li kienu fuqha.
Dakinhar il-Papa sejjaħ biex il-kwistjoni tal-immigrazzjoni tkun trattata mhux bil-loġika tal-indifferenza iżda bil-loġika tal-ospitalità u tal-kondiviżjoni sabiex jiġu mħarsa u mmexxija ’l quddiem id-dinjità u ċ-ċentralità ta’ kull persuna umana.
Fil-bidu ta’ Lulju l-awtoritajiet Taljani sabu 30 persuna mejta f’lanċa tas-sajd li fuqha kien hemm kważi 600 immigrant.
Fil-messaġġ tiegħu b’referenza għall-pesuni li jitilfu ħajjithom, il-Papa Franġisku kiteb li  “Qalbna tbati biex taċċetta l-mewt ta’ dawn ħutna, li jaffrontaw vjaġġi ferm iebsin biex jaħarbu minn qagħdiet drammatiċi, faqar, gwerer, konflitti, spiss marbutin ma’ politika internazzjonali”.
Fi tmiem il-ġimgħa il-missjoni ta’ salvataġġ Taljana salvat aktar minn 2,600 immigrant fuq dgħajjes li kienu qed jaqsmu l-Mediterran.  In-numru ta’ immigranti li waslu l-Italja din is-sena qabeż il-65,000 u diġà huwa rekord fuq żmien sena.