Il-Kummissjoni Elettorali tista’ tinvestiga lill-PN – il-Qorti

Il-Qorti Kostituzzjonali qalet li l-Kummissjoni Elettorali tista’ tinvestiga każijiet ta’ ksur fil-liġi tal-iffinanzjar tal-partiti, bil-kontra ta’ kif kien qed jargumenta l-Partit Nazzjonalista (PN).
Il-Kummissjoni Elettorali kienet bdiet tinvestiga lill-PN wara li n-negozjant Silvio Debono tad-db Group kien qal li l-kumpanija ħallset il-pagi ta’ żewġ uffiċjali tal-PN. Il-pagamenti allegatament għaddew mill-kumpanija tal-midja tal-PN Media.Link Communications. Skont il-PN, dawn il-pagamenti kienu għal servizzi ta’ reklamar.
L-eks kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil qal li l-kummissjoni ma setgħetx taġixxi bħala l-imħallef, il-ġurija, u ġustizzjier (executioner). Il-PN qal li dan imur kontra l-Kostituzzjoni u l-Konvenzjoni Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem. Qal ukoll li l-partit qatt ma ġie nfurmat formalment bin-natura tal-investigazzjoni.
Madanakollu, il-Qorti Kostituzzjonali qalet li l-Kummissjoni Elettorali setgħet tinvestiga, tiġġudika, u anke tippenalizza. Dwar in-notifika tal-investigazzjoni, il-Qorti qalet li l-Kummissjoni kienet għadha ma ħaditx azzjoni fil-konfront tal-PN. Qalet li biex dan isir, kien hemm bżonn investigazzjoni. Il-PN imbagħad ikollu l-opportunità jappella.
Wara li nqatgħet is-sentenza tal-Qorti, il-Gvern ħareġ stqarrija li fiha appella lill-PN biex jikkoopera mal-Kummissjoni Elettorali. Iddeskriviet l-allegazzjonijiet tal-ksur tar-regoli tal-finanzjament tal-partiti bħala “serji”.
Fi kliem il-Gvern, din il-kooperazzjoni u l-investigazzjoni huma marbutin mal-prinċipju tar-rispett lejn il-liġi.