Il-Kummissjoni Elettorali tilqa’ n-nomini għall-elezzjoni mill-ġimgħa d-dieħla

Mill-ġimgħa d-dieħla, il-Kummissjoni Elettorali se tkun qed tilqa’ n-nomini tal-kandidati għall-elezzjonijiet tal-Membri Parlamentari Ewropej u għall-Kunsilli Lokali.

Fi stqarrija, il-Kummissjoni spjegat li se tkun qed tiftaħ l-applikazzjonijiet onlajn permezz tas-sit www.electoral.gov.mt minn nhar it-Tlieta 16 t’April mid-9am, sa nhar it-Tnejn 22 t’April fis-7pm. Il-Kummissarji Elettorali avżaw ukoll li se jkunu preżenti sabiex jirċievu nomini fl-uffiċċji tagħhom fil-kumpless tal-għadd tal-voti fin-Naxxar, kif ukoll fl-Uffiċċju tal-Karti tal-Identità fir-Rabat Għawdex fis-16, 17, 18, 20, u 22 t’April, bejn id-9am u s-1pm u t-3pm u s-7pm.

Il-kandidati qed jintlabu jippreżentaw il-karta tal-identità tagħhom, bil-parti ta’ fuq tkun tirrifletti d-dettalji tal-kandidat kif jidhru fuq ir-reġistru elettorali ppubblikat illum. Irid jitħallas ukoll depożitu ta’ €90.

Wieħed jista’ jakkwista l-formoli għall-kandidaturi jistgħu jinġabru mill-Uffiċċju tal-Kummissjoni Elettorali mil-lum u waqt il-ġranet tan-nominazzjonijiet. Il-formoli jistgħu jiġu mniżżla wkoll mill-website tal-Kummissjoni Elettorali.

Oġġezzjonijiet għan-nominazzjonijiet jistgħu jintbagħtu fl-istess uffiċċju fl-istess żmien tan-nomini, kif ukoll it-Tlieta 23 t’April fl-istess sigħat.