Il-Kummissjoni Elettorali għadha ma approvatx lil Lovin Malta

Il-Kummissjoni Elettorali qalet li minkejja li rċeviet applikazzjoni biex tirreġistra lil Lovin Malta bħala partit politiku, hi għadha ma approvatux.
Fi stqarrija, il-Kummissjoni qalet li għadha trid teżamina d-dokumenti mibgħuta lilha biex tara jekk dawn jikkonformawx mal-Att dwar il-Finanzjament ta’ Partiti Politiċi qabel ma tittieħed deċiżjoni.
Kompliet tgħid li dan huwa proċess li jsir għal kull applikazzjoni li tirċievi.
Min-naħa l-oħra, Lovin Malta kkonfermat li l-applikazzjoni li bagħtet lill-Kummissjoni Elettorali fl-1 ta’ April kienet biss biex issaħħaħ il-kredibbiltà taċ-ċajta u bl-ebda mod ma tixtieq tirreġistra bħala partit politiku.
Is-Sibt li għadda, Lovin Malta ħabbar li uffiċjalment irreġistra ruħu b’mod formali bħala partit politiku mal-Kummissjoni Elettorali biex ikun iktar effettiv fil-bidla li jista’ jġib f’Malta permezz tal-prinċipji tal-innovazzjoni, it-trasparenza, il-libertà, il-protezzjoni tal-ambjent u s-saħħa.