Il-Kummissjoni Elettorali b’aktar testijiet dwar l-għadd elettroniku

Il-Kummissjoni Elettorali qalet li se tkompli tagħmel aktar testijiet dwar is-sistema tal-għadd tal-voti b’mod elettroniku biex tassigura li “tkun aktar effiċjenti” fil-ġimgħat li ġejjin.

Fi stqarrija, il-Kummissjoni qalet li dawn it-testijiet se jsiru flimkien mal-kuntrattur fil-preżenza tal-partiti politiċi.

Il-Kummissjoni qalet li l-voti tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsilli Lokali, li se jsiru kontemporanjament fil-25 ta’ Mejju ta’ din is-sena se jkunu magħduda bis-sistema elettronika E.V.C.S. (electronic vote counting system). Il-Kummissjoni hija sodisfatta illi din is-sistema tiggarantixxi riżultat korrett li jirrifletti l-vot tal-elettorat.

Il-Kummissjoni Elettorali hija fiduċjuża li tilħaq t-tir li għandha biex ir-riżultat tal-elezzjoni tal-Parlament Ewropew toħorġu ferm aktar kmieni minn qatt qabel, jiġifieri tard fil-lejl tal-Ħadd 26 ta’ Mejju, jew sbieħ it-Tnejn 27 ta’ Mejju.

Il-Kummissjoni għandha ppjanat illi l-voti tat-68 Kunsill Lokali jintgħaddu bl-istess mod elettroniku maqsuma fuq it-tliet ijiem, 29, 30, u 31 ta’ Mejju, 2019.