Il-Kummissjoni Ambjent titlob għall-politika nazzjonali biex jiġu evitati abbużi

Il-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent fi ħdan il-Kurja, preżentat diversi proposti lill-partiti politiċi fuq l-ambjent u l-iżvilupp sostenibbli.

Fi stqarrija, il-Kummissjoni Ambjent qalet li l-ambjent hu tal-Maltin kollha u għalhekk għandu jkun responsabbiltà tal-parlament u mhux ta’ min ikun fil-gvern biss. Hi qalet li pass bħal dan jitlob maturità politika, li forsi l-partiti politiċi f’pajjiżna għadhom ma waslux għaliha.

Rigward il-proposti tal-partiti dwar l-enerġija, il-kummissjoni qalet li filwaqt li wieħed għandu jfittex li l-elettriku jkun ġenerat bi spejjeż ragonevoli sabiex il-poplu jkun jista’ jlaħħaq mat-tariffi, għandu jsir investiment fl-użu ta’ fuels u riżorsi alternattivi ta’ enerġija li jiggarantixxu kwalità tajba tal-arja.

Il-Kummissjoni Ambjent kienet ilha mill-2008 targumenta li għandu jkun hemm separazzjoni bejn l-awtorità tal-ambjent u dik tal-iżvilupp.

Dan biex ikun hemm regolatur effettiv fil-qasam ambjentali li jkun indipendenti u jinqata’ mir-regolatur fil-qasam tal-iżvilupp. Qalet li dan hu meħtieġ sabiex iż-żewġ aspetti jingħataw l-attenzjoni u r-riżorsi meħtieġa biex jiffunzjonaw b’mod iktar effiċjenti.

L-istqarrija tkompli tgħid li meta wieħed iqis l-importanza li għandhom il-widien fuq ir-riżervi tal-ilma, huwa fatt inkwetanti li Malta għad m’għandiex strateġija ċara dwar l-immaniġġjar ta’ dawn il-widien.

Il-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent, sostniet li biex jiġi assigurat l-iżvilupp sostenibbli, għandu jinżamm bilanċ bejn interessi umani, soċjali, ekonomiċi u ekoloġiċi.

Huwa għalhekk hemm bżonn ta’ regolazzjoni u kontroll sabiex ikunu evitati deċiżjonijiet mgħaġġla jew abbużi li jħallu impatti negattivi fuq is-soċjetà.