Il-Kummissjoni Ambjent tikkritika l-iżvilupp tal-kosta fix-Xlokk ta’ Malta

Il-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent ikkritikat il-proposta li jsir żvilupp fuq il-kosta fin-naħa t'isfel ta’ Malta biex jinbnew mill-inqas żewġ lukandi u promenade minn Żonqor Point sa SmartCity.
Waqt li ressqet għadd ta’ mistoqsijiet lill-awtoritajiet, il-Kummissjoni Ambjent saħqet li l-ġid komuni għandu jinżamm bħala prijorità fuq kull gwadann ekonomiku ta’ għadd żgħir ta’ nies.
Ħeġġet bil-qawwa kollha biex l-awtoritajiet jaħsbuha darbtejn qabel japprovaw proġett bħal dan u jqisu l-prezz għoli li jitħallas f’dak li hu ambjent jekk l-art, li hi barra ż-żona ta’ żvilupp, tingħata għall-iżvilupp.
Il-Kummissjoni staqsiet xi studji saru biex tfasslet il-proposta mressqa, u fuq liema kriterji ġie deċiż li l-art hi bla valur.
Staqsiet ukoll xi stħarriġ soċjali u xi projezzjonijiet ekonomiċi saru biex inħarġu garanziji li l-proġett iħalli l-ġid imwiegħed, u kif dan jinkwadra fi strateġiji li għandu l-pajjiż.
Il-Kummissjoni rrimarkat ukoll jekk art pubblika għandhiex tingħata għall-bini ta’ lukandi ġodda u jekk veru din l-art se tiġi żviluppata għax hi mħarbta, għaliex ma tiġix restawrata.