Il-Kummissjoni Ambjent imħassba dwar shooting ranges fil-Busbesija

Il-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent (KA) tinsab imħassba dwar il-kumpless propost ta’ shooting ranges fil-Busbesija, fil-Mosta.
Fi stqarrija, il-KA qalet li dan minħabba li l-medda ta’ madwar 70 tomna art li tinkludi art agrikola, tinsab f’żona ’l barra miż-żoni tal-iżvilupp (ODZ) u kif imfissra fil-Pjan Lokali taċ-Ċentru ta’ Malta hi art ta’ high landscape value. Temmen li l-użu ta’ din l-art se jħalli effett negattiv sostanzjali fuq il-kampanja Maltija.
Irreferiet għas-sejħa għall-espressjoni ta’ interess mill-Gvern fl-2013, dwar konservazzjoni u mmaniġġjar ta’ art fil-Busbesija għal 45 sena. Semmiet ukoll it-tħabbira tal-Gvern f’April li għadda, li kien se jagħti l-art lill-kumpanija U-Group Ltd, “li qed tippjana li tiżviluppa shooting range.”
Il-Kummissjoni Ambjent tistaqsi jekk it-trasferiment tat-tined militari tat-Tieni Gwerra Dinjija għall-faċilitajiet ta' max-shooting ranges, ifissrux li l-MEPA tħossha obbligata li tagħti permess għax-shooting ranges.Issemmi wkoll li l-proġett ilu xhur jiġi rreklamat fuq il-websajt tal-iżviluppaturi.
Spjegat li l-kumpless kollu flimkien ikopri żona ta’ 70,000 metru kwadru, jiġifieri 14-il darba iktar miż-żona li jkopru t-tined.
B’referenza għal dak li qal il-Gvern li l-bini ta’ shooting range ġdida kienet waħda mill-wegħdiet elettorali li riedu jitlestew f’sentejn, il-KA tisħaq li hi kontra wegħdiet u rbit. Saħqet li l-impatt ambjentali u l-użu tal-art irid l-ewwel jiġi studjat bir-reqqa.
Tistaqsi jekk hux relevanti għal min ifassal il-policy, li d-Dar tal-Irtiri, li tinsab fl-inħawi tal-kumpless propost, ilha għall-aħħar 50 sena tilqa’ mal-10,000 ruħ fis-sena. Saħqet li t-trankwillità li l-ambjent tad-dar tal-irtiri joffri lill-pubbliku għandha tkun protetta.
Il-KA qalet li l-Gvern u l-MEPA għandhom jimxu b’kawtela, hekk kif min qed jippromwovi l-proġett mhux f’pożizzjoni li jipprovdi garanzija lir-residenti li mhux se jiġu affettwati b’mod negattiv.
Il-Kummissjoni sostniet li hi stramba li ma saret l-ebda referenza għall-policy ta’ shooting ranges li l-MEPA approvat fl-2006, u li sal-lum għadha mhix approvata mill-Gvern.
Stiednet lil min qed jipproponi l-kumpless u lill-MEPA, biex jagħmlu eżerċizzju, li qed issejjaħlu ‘indispensabbli’, dwar kif ix-shooting ranges mifruxa mal-pajjiż jistgħu jiġu mtejba, biex jakkomodaw individwalment il-komponenti differenti tal-kumpless propost. “B’hekk l-ebda art oħra barra l-konfini tal-iżvilupp ma tkun sagrifikata,” żiedet tgħid.
Il-KA tissuġġerixxi li qabel ma joħorġu sejħiet għal art tal-istat, il-Gvern jagħmel konsultazzjoni pubblika, u mhux jagħti każ biss l-interessi kummerċjali. Filwaqt li faħħret li l-Gvern jattira investiment barrani, appellat biex inkunu konxji mill-prezz li kultant ikollna nħallsu.
Saħqet li l-Gvern għadu fil-ħin biex jikkunsidra mill-ġdid id-deċiżjoni li jagħti t-tined fil-Busbesija kif ukoll dwar l-appoġġ tiegħu għall-iżvilupp propost. 
Tista' taqra r-rapport sħiħ hawn.