Awdjo: Il-Kummissarju Tonio Borg isegwi l-każ tal-prodotti li kien fihom laħam taż-żiemel flok ċanga

Ikomplu l-investigazzjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea fil-każ tal-ikel li kien immarkat li fih iċ-ċanga meta fil-fatt kien fih il-laħam taż-żiemel.

Iktar tard illum se jiltaqgħu l-awtoritajiet ta’ Franza, ir-Rumanija, l-Olanda, Lussemburgu u r-Renju Unit biex ikun magħruf fhiex waslu l-investigazzjonijiet. Dawn huma l-pajjiżi minn fejn għadda dan l-ikel immarkat ħażin.

Il-Kummissarju Ewropew tas-Saħħa, Tonio Borg qiegħed isegwi l-iżviluppi fil-każ fejn f’xi pajjiżi Ewropej instab laħam taż-żiemel fi prodotti tal-ikel meta t-tabella kienet turi li dawn kienu prodotti taċ-ċanga.

Ma’ Newsbook, Dr Tonio Borg qal s-sistema Ewropea biex tkun imħarsa s-sigurta’ fl-ikel hi fost l-iktar siguri fid-dinja. Qal li peress li jinżammu d-dettalji ta’ minn fejn ikun ġej l-ikel, l-awtoritajiet nazzjonali jistgħu jinvestigaw mill-ewwel biex isibu s-sors tal-problema.

Dr Tonio Borg assigura liċ-ċittadini Ewropej li l-Kummissjoni Ewropeja tieħu b’serjeta’ kbira is-sigurta’ tal-prodotti tal-ikel.