Il-Kummissarju tat-Tfal imħassba li l-liġi tista’ ma tipproteġix it-tfal fil-ġuf

Read in English.

L-Uffiċċju tal-Kummissarju tat-tfal qal li din il-liġi tista’ ma tkunx l-aħjar strument biex jitħarsu t-tfal qabel it-twelid.

Fi stqarrija l-Uffiċċju tal-Kummissarju tat-Tfal qal li kemm il-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda dwar id-Drittijiet tat-Tfal kif ukoll l-Att dwar il-Kummissarju għat-Tfal jiddefinixxu li t-tfal huma l-persuni taħt l-età ta’ tmintax-il sena, u dan jinkludi wkoll it-tfal qabel it-twelid. Żiedu li meta se tkun qed tiġi implimentata l-liġi tal-protezzjoni tal-minuri, it-tfal f’Malta se jkunu qed igawdu minn tisħiħ fil-qafas legali għall-protezzjoni tagħhom.

L-Uffiċċju qal li l-abbozz tal-liġi dwar il-ħarsien (kura alternattiva) tat-tfal, li qed jiġi diskuss fil-Kamra tar-Rappreżentanti, huwa xhieda tad-determinazzjoni sabiex jiżgura l-aqwa protezzjoni possibbli tat-tfal. Żiedu li l-aħjar strument biex jitħarsu t-tfal qabel it-twelid u għalhekk l-aħjar forma ta’ protezzjoni tat-tfal li għadhom ma twieldux tinsab fit-tisħiħ tal-istruttura familjari u organizzativa madwar l-omm tqila, permezz ta’ servizzi ta’ qabel it-twelid iżjed aċċessibbli, addatti u ta’ kwalità li jsostnu u jsaħħu l-ġenituri tqal li jmexxu t-tqala tagħhom fl-aħjar interess tat-tfal tagħhom. Huma qalu li metodi goffi li jistgħu jwasslu biex il-mara tqila tħossha qisha jew saħansitra tkun omm qed iġġorr tarbija ta’ ħaddieħor u dan ma jgħinx biex isir l-aħjar interess tat-tfal.

L-Uffiċċju appella lill-Membri Parlamentari biex japprovaw dan l-Abbozz ta’ Liġi mingħajr dewmien.