Il-Kummissarju tat-Taxxi Interni jinsab taħt police bail wara li ġie interrogat b’rabta ma’ chats li kellu man-negozjant Yorgen Fenech.
Marvin Gaerty, il-Kummissarju tat-Taxxi Interni, ikkonferma mal-gazzetta The Sunday Times, li ġie imsejjaħ mill-Pulizija fis-Sezzjoni tar-Reati Ekonomiċi li iżda ma jistax jgħaddi l-informazzjoni meħtieġa jekk mhux bil-kunsens tal-Prim Ministru Robert Abela.
Il-gazzetta rrapportat Gaerty qed inżomm informazzjoni kunfidenzjali fuq il-mobile tiegħu li jekk tiġi żvelata jinħoloq rebus sħiħ.
Skont The Sunday Times, il-pulizija żammitu taħt interogazzjoni għal 12-il siegħa sħaħ nhar it-Tlieta li għadda waqt li saru tfixxijiet kemm fir-residenza tiegħu kif ukoll fil-binja tad-Dipartiment tat-Taxxa fil-Floriana.
Jidher li l-Prim Ministru Robert Abela talab lil Gaerty informazzjoni dwar it-taxxa pendenti li kellu il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech.
F’Novembru li għadda, Gaerty ittella’ jixhed quddiem l-Inkjesta Pubblika, fejn kien talab dispens mill-Prim Ministru biex jixhed fuq lista ta’ persuni relatati mal-Panama Papers.
X’kien spikka fix-xhieda ta’ Gaerty?
- Gaerty kellu jistħarreġ fuq lista ta’ nies relatati mal-Panama Papers, dejjem jekk jingħata dispensa mill-Prim Ministru biex jagħmel dan. Però kien hemm nuqqas ta’ ftehim u l-lista ma waslitx.
- Il-pulizija kellmu lil Gaerty għal madwar 10-15 minuta ġo “laqgħa informali,” dwar messaġġ li kien bagħat lil Yorgen Fenech. Jinsisti li dan il-messaġġ kellu l-istess kontenut ta’ email li bagħat minn fuq l-indirizz uffiċjali tax-xogħol.
- Gaerty iltaqa’ ma’ Fenech u l-avukati tiegħu numru ta’ drabi iżda ċaħad li 17 Black kellha x’taqsam. Qal li l-laqgħat kienu dwar kwistjoni ta’ VAT.
Intant il-kelliem għall-Oppożizzjoni dwar il-Ġustizzja, Jason Azzopardi qal li kien qed jistenna lill-Prim Ministru jiċħad li f’Settembru qabel l-elezzjoni interna fil-PN talab lill-Kummissarju tat-Taxxi biex jirtira ċ-ċertifikat li dan ħareġ lil Bernard Grech jikkonferma li ma kellu l-ebda taxxa pendenti.
“Iżda l-Kummissarju Gaerty irrifjuta li jobdi ordni illegali ta’ Abela. U Abela ħalef li jpatthielu,” allega Azzopardi.
Azzopardi staqsa “mindu ‘l hawn il-pulizija jridu l-permess tal-Prim Ministru biex ifittxu għal evidenza fil-kors ta’ Inkjesta Magisterjali?”