Il-Kummissarju tas-Saħħa jgħid lil Prof. Gauci biex jiddaħħlu aktar miżuri

Prof-Charmaine-Gauci
Miguela Xuereb

Read in English.

Il-Kummissarju tas-Saħħa fi ħdan l-Uffiċċju tal-Ombudsman, Charles Messina, kiteb ittra lis-Supretendent għas-Saħħa Pubblika Prof. Charmaine Gauci jħeġġiġha biex jiddaħħlu aktar miżuri peress li s-sitwazzjoni hija waħda rilassata minkejja r-rati allarmanti ta’ każijiet tal-coronavirus f’Malta, li huma l-agħar li qatt kienu.

Fl-ittra li bagħtilha, huwa qalilha li huwa mħasseb ħafna billi Malta għandha waħda mill-ogħla rati fl-Ewropa, kemm fejn jidħol l-għadd ta’ każijiet, kif ukoll fejn jidħlu mwiet bil-Covid-19.

Apparti dan, huwa infurmat li nies li kellhom kuntatt ma’ persuni bil-virus li m’għandhomx sintomi qegħdin jirrifjutaw li jagħmlu swab test. Dwar il-persuni li qegħdin imutu bil-virus, il-Kummissarju qal li l-Ministeru tas-Saħħa dejjem jgħid li dawn kellhom kundizzjonijiet ulterjuri, iżda huma kienu qegħdin jgħixu minkejja dawn il-kundizzjonijiet.

Skontu, imbilli l-Ministeru jagħti r-rakkomandazzjonijiet mhu se jitranġa xejn. Il-Kummissarju tas-Saħħa għalhekk qed jissuġġerixxi li jiġu introdotti xi miżuri ġodda, li jinkludu:

  • Li l-maskri jsiru obbligatorji anke ġewwa, kullimkien ħlief fid-djar, u anke fit-toroq
  • Li jsiru spezzjonijiet għal għarrieda f’ristoranti u jinħarġu l-multi
  • Li l-pulizija jimmultaw lil dawk bla maskra
  • Li l-multi jkunu jridu jitħallsu f’24 siegħa
  • Li x-xogħol mid-dar ikun aktar inkoraġġit
  • Li jerġgħu jinħarġu l-avviżi legali skont il-bżonn, bħalma ġara f’Marzu.