Il-Kummissarju tal-Pulizija se jkollu dritt għall-appell – il-Ministru

Kwartieri tal-Pulizija - Police Headquarters Depot
Joseph Giordimaina

Il-Ministru għall-Intern Byron Camilleri qal li l-ħatra ta’ Kummissarju ta’ Pulizija qed issir mill-kummissjoni għas-servizz pubbliku u skont ħatriet simili.

Meta kien qed jagħmel l-għeluq tad-dibattitu dwar l-abbozz ta’ liġi li jemenda l-Att dwar il-Pulizija, hu qal li sena probation u kuntratt ta’ erba’ snin huma klawżoli li ssib f’ħatriet simili. Huwa qal li jeżistu ħitan bejn il-Kummissarju u l-Gvern għax il-persuna magħżula f’każ li jitneħħa waqt il-probation, għandu dritt għall-appell.

Dwar il-preżenza tal-Pulizija fit-toroq, Camilleri qal li numru ta’ għasses iridu jingħalqu biex jiżdiedu l-Pulizija fit-toroq. Huwa qal li l-Gvern għamel din l-għażla biex jara aktar Pulizija fit-toroq milli bilqegħda wara xi bank.

“Dan ifisser li l-għasses se jibqgħu magħluqin? Iva hekk tfisser,” qal il-Ministru. Huwa qal li t-teknoloġija tista’ tagħmel tajjeb għal dan in-nuqqas permezz ta’ sistema tal-intercom meta għassa tinsab magħluqa. Il-Ministru faħħar ukoll il-proġett ta’ Community Policing li sar fil-Mellieħa.