​Il-Kummissarju tal-Pulizija ordnat jinvestiga pulizija li ħa ġurament falz

Il-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar ġie ordnat mill-Qorti biex jinvestiga wieħed mill-uffiċjali tiegħu wara li Maġistrat sabet li dan il-pulizija kien ħa ġurament falz.
Il-pulizija inkwistjoni allega li weġġa’ minħabba inċident ikkawżat minn raġel li kien ġie akkużat li saq b’mod perikoluż fl-2006.
Il-pulizija qal li kien skiddja fi triq fin-Naxxar u li r-raġel baqa’ dieħel ġo fih.
Madanakollu, r-raġel imsemmi qal li meta ra li l-karozza tal-Pulizija kienet skiddjat, huwa waqaf mill-ewwel. Żied jgħid li waqt li kien wieqaf, il-Pulizija ħareġ mill-vettura tiegħu u beda jakkużah li hu ħabat ġo fih.    
Surveyor indipendenti li nħatar biex jinvestiga l-każ qal li ma sab l-ebda tip ta’ ħsara fuq il-vetturi involuti li setgħet kienet ikkawżata minn ħabta bejiethom.
Il-Maġistrata qalet li l-verżjoni tar-raġel akkużat kienet aktar kredibbli minn dik tal-Uffiċjal tal-Pulizija.
Espert mediku li nħatar mill-Qorti ma sab l-ebda tip ta’ diżabilità permanenti fuq il-Pulizija, bil-kontra ta’ kif qal il-konsulent tiegħu.
Il-Qorti qalet li kien ċar li l-pulizija kien qed jigdeb.