Il-Kummissarju tal-Pulizija mitlub jinvestiga serq mill-mafkar ta’ Daphne

Il-Pulizija rċivew rapport ta’ serq mill-mafkar ta’ Daphne, liema rapport isemmi serq ta’ fjuri, xemgħat u oġġetti oħra li ttieħdu mill-monument tal-Assedju l-Kbir li jinsab quddiem il-Qorti.
Ir-rapport intbagħat mid-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina lill-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar u lill-Pulizija tal-Belt Valletta fejn qed jisħaq li l-Pulizija għandha tinvestiga u tieħu passi skont il-liġi.
Qed jingħad li dawn l-oġġetti nsterqu fil-lejl li għadda minħabba li Aquilina jisħaq li sal-bieraħ filgħaxija l-oġġetti kienu għadhom mal-monument.
Aquilina jgħid li numru minn dawn ix-xemgħat ġew akkwistati minnu u tqiegħdu minnu personalment it-Tlieta li għaddiet.
Dwar l-investigazzjoni, Aquilina qed jinsisti li minħabba li l-monument jinsab fi Triq ir-Repubblika quddiem il-Qrati tal-Ġustizzja, hemm preżenza ta’ kameras tas-sigurtà.
Gruppi ta' attivisti, fosthom il-Kenniesa u l-Awturi ħafna drabi nsistew li la jitneħħew, jerġgħu jpoġġu l-fjuri u x-xemgħat quddiem il-'mafkar'.
L-istess sentiment joħroġ mill-poeżija tal-blogger ta' Newsbook.com.mt Norman Vella, li jimplika li l-mafkar jinsab taħt assedju.