Aġġornata: “Il-Kummissarju tal-Pulizija mgiddeb mill-Kummissarju tad-Data” – Jason Azzopardi

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, Dr Jason Azzopardi qal li dwar il-każ ta’ Darryl Luke Borg ma saritx talba mill-pulizija lit-tliet provedituri tas-servizzi telefoniċi f’Malta dwar it-telefonati li saru bejn iċ-Chief of Staff fil-Ministeru tal-Intern Silvio Scerri u l-Ispettur Elton Taliana.

Dr Azzopardi kkwota d-deċiżjoni tal-Kummissarju għall-Informazzjoni u l-Protezzjoni tad-Data Joseph Ebejer dwar l-ilment tal-Partit Nazzjonalista kontra l-Kummissarju tal-Pulizija. Qal li d-deċiżjoni tgħid li ma sar l-ebda proċessar ta’ data personali u li kieku saret it-talba mill-Pulizija ma kinitx tkun ġustifikata skont il-liġi.

Il-Kelliem tal-PN spjega li l-liġi tal-protezzjoni tad-data tagħti poter lill-pulizija u lis-servizzi sigrieti biex jitolbu logs tat-telefonati mis-service providers meta jkun hemm reat li jkun iġorr piena ta’ tal-inqas sena priġunerija.

Saħaq li “jekk kienx hemm reat kriminali jew le hu sekondarju, għax talba formali ma saret qatt".

Huwa talab lill-Prim Ministru u lill-Ministru tal-Intern biex flimkien mal-Kummissarju tal-Pulizija jerfgħu r-responsabbiltà għal dan l-abbuż.

Żied jgħid li l-Partit Nazzjonalista u lanqas il-poplu ma jippermetti li l-Kummissarju tal-Pulizija u l-Ministru tal-Intern ikunu ‘l fuq mil-liġi. 

Fi stqarrija l-Korp tal-Pulizija jsostni li qatt ma għamel talba lis-service providers għall-call profile ta’ persuni relatati mal-każ li jikkonċerna l-Ispettur Elton Taliana.

L-istqarrija ssostni li d-Deputat Nazzjonalista ma’ għamilx distinzjoni bejn call profile u call log u għalhekk l-argument imressaq huwa bla ebda bażi.

Il-Korp tal-Pulizija jsostni wkoll li fil-każ tal-eks preżentatur Norman Vella għamel dmiru skont il-liġi billi tikxef, tinvestiga reati u tikkonserva l-provi li tqis rilevanti għall-każ.  

 

Ħalli l-kumment b'ismek u kunjomok hawn.