Aġġornata: John Dalli jgħid li Simon Busuttil m’għandux jagħmilha ta’ mħallef

F’ittra lil-Ispeaker Anġlu Farrugia, Giovanni Kessler, id-Direttur Ġenerali tal-OLAF, l-aġenzija ta’ kontra l-frodi tal-Unjoni Ewropea, qal li l-Kummissarju tal-Pulizija Peter Paul Zammit ma kkollaborax dwar l-investigazzjoni ġdida dwar il-każ tal-eks Kummissarju Ewropew John Dalli. Kessler qal li dan minkejja li l-uffiċċju tiegħu talab lill-Kummissarju tliet darbiet.
Dr Giovanni Kessler qal li l-OLAF qatt ma rċeviet risposta mill-Kummissarju tal-Pulizija, għalkemm Malta hija obbligata bil-liġi li tikkopera u tipprovdi l-informazzjoni mitluba lil din l-aġenzija.
Kessler sostna li x-xahar li għadda, kien infurmat li waqt laqgħa fi Brussell, l-eks Kummissarju John Dalli talab biex jitwassallu l-messaġġ biex ma jiġix Malta, għax jista’ jiġi arrestat.
Reazzjoni John Dalli
Sadanittant, fi stqarrija, John Dalli nnifsu qal li hu ried jikkonfronta lil Kessler f’Malta, u li qatt ma kien se jwissieh biex ma jiġix. Dalli ppubblika wkoll l-ittra li bagħat lill-ispeaker fl-2012 fejn talbu biex iħallih jikkonfronta lil Kessler meta jkun Malta.
John Dalli qal li Kessler qed jibża’ jwieġeb għall-mistoqsijiet u kiteb lill-Ispeaker wara li ġie mistieden li jattendi għal laqgħa tal-Kumitat tal-Privileġġi, li qed jisma’ każ li fetaħ il-Prim Ministru kontra l-Kap tal-Oppożizzjoni.
Il-każ imur lura għal meta l-Prim Ministru lmenta li l-Kap tal-Oppożizzjoni qal li kien hemm indħil politiku fl-investigazzjonijiet tal-pulizija dwar il-każ John Dalli. 
Reazzjoni Simon Busuttil
B’risposta għall-ittra ta’ Giovanni Kessler, il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil qal li l-Kummissarju tal-Pulizija kiser il-liġi Ewropea meta fi tliet okkażjonijiet ma kkoperax mal-OLAF fl-investigazzjoni ta’ John Dalli.  Busuttil jgħid li l-Prim Ministru, li ħatar lill-kummissarju, kellu jerfa’ r-responsabbiltà. Dr Busuttil sostna li dak li ġara fil-Parlament kien tal-mistħija għal Malta u li waqqa’ r-reputazzjoni tad-demokrazija, filwaqt li kkritika l-istat tal-Gvern.
Dwar dawn il-kummenti, l-eks Kummissarju Ewropew staqsa lil Busuttil jekk għandux informazzjoni minn ġewwa, mill-OLAF jew mill-Kummissjoni dwar it-talba li l-OLAF għamlet lill-pulizija Maltija.
Jekk m’għandux il-fatti, Dalli qal li Simon Busuttil m’għandux jagħmilha tal-imħallef.
L-eks Kummissarju staqsa jekk fl-2012, Simon Busuttil, li kien għadu membru tal-Parlament Ewropew, kienx oġġezzjona l-abbużi tad-Direttur tal-OLAF Giovanni Kessler meta ried jinvestiga f’Malta allegat każ ta’ frodi ta’ flus Ewropej minn pizzerija lokali u wara ftit jiem biddel l-għan tal-invstigazzjoni minħabba l-allegazzjoni fil-każ tal-iSwedish Match.
John Dalli qal li l-Kap tal-Oppożizzjoni qed jattakka lil dawk li jobgħod l-aktar meta suppost għandu jipproteġi d-drittijiet tal-Maltin u mhux l-abbużi ta’ nies bħal Giovanni Kessler.
Reazzjoni Korp tal-Pulizija 
Għall-ittra tad-Direttur Ġenerali tal-OLAF, il-Kummissarju tal-Pulizija jsostni li saret talba waħda mill-OLAF. Fi stqarrija l-Korp tal-Pulizija jgħid li din it-talba ġiet imwieġba lura wara li saru l-verifiki neċessarji skont il-liġi.  L-istqarrija tgħid ukoll li l-Kummissarju tal-Pulizija ma jistax ma jimxix mal-liġi u jippermetti ġbir ta' allegat evidenza li mhux permess bil-liġi. 
Reazzjoni Gvern
Fi stqarrija, il-Gvern qal li jinnota l-istqarrija tad-Direttur Ġenerali tal-OLAF u sussegwentement dik tal-Kummissarju tal-Pulizija tard illejla. Il-Gvern jgħid li peress li jeżistu verżjonijiet differenti,  se jkun qed jikteb direttament lill-Aġenzija OLAF biex tipprovdi dettalji ta’ meta għamlet it-talbiet tagħha lill-Pulizija ta’ Malta, u fuq liema bażi saru dawn it-talbiet. Il-Gvern qal ukoll li jemmen fl-indipendenza tal-Korp tal-Pulizija u ma jindaħalx fit-tmexxija tagħha.
Reazzjoni Lawrence Gonzi
B'risposta għall-istqarrija ta' John Dalli, l-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi qal li ried jiċċara li hu qatt ma kellu konverżazzjonijiet jew xi forma ta' kuntatt, dirett jew indirett ma' Giovanni Kessler, la waqt u lanqas wara li serva bħala Prim Ministru ta' Malta.