Il-Kummissarju tal-Pulizija jiċħad li mara għamlet rapport dwar vjolenza domestika minn pulizija

Il-Kummissarju tal-Pulizija jiċħad li sar rapport dwar allegat każ ta’ vjolenza domestika minn membru tal-Korp fuq is-sieħba tiegħu. Dan minkejja li sorsi fid-Depot qalu ma’ Newsbook.com.mt li fil-ġimgħat li għaddew is-sieħba tal-pulizija għamlet rapport ma' uffiċjal għoli fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija.
Għall-mistoqsijiet ta’ Newsbook.com.mt kelliem għall-Korp qal li t-Taqsima tal-Affarijiet Interni tal-Korp ma rċeviet l-ebda rapport.
Madanakollu l-istess sorsi sostnew li l-uffiċjal, li ġie promoss għall-kariga ogħla fil-Korp, kellu joħroġ bis-sick leave għax ma kellux uniformi biex jidħol għax-xogħol.
L-allegat każ ta’ vjolenza domestika seħħ fi żmien is-summit informali tal-Unjoni Ewropea li sar f’Malta aktar kmieni dan ix-xahar u li waqt il-każ, l-uffiċjal tqattagħlu l-ġlekk li l-Pulizija kellhom jilbsu għal din l-okkażjoni.
Is-sorsi qrib il-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija qalu li ħafna pulizija jinsabu urtati li waqt dan iż-żmien tant impenjattiv għall-Pulizija minħabba l-Presidenza, kellhom jispiċċaw b’inqas riżorsi umani.
Barra minn hekk, dwar l-istess uffiċjal qed jiġi allegat li kemm-il darba nħareġ mix-xogħol fis-sakra.
Ir-rabja fost il-pulizija qed tkompli titqanqal u bosta qed jgħidu li l-Korp qed jgħatti lil dan l-uffiċjal billi jinnega kollox uffiċjalment, sabiex jieħu l-promozzjoni. Oħrajn li ma ġewx promossi jinsabu urtati u jħossuhom diskriminati minkejja li għandhom kondotta nadifa.