“Il-Kummissarju tal-Pulizija huwa pupazz tal-Prim Ministru” – Dr Simon Busuttil

Dr Simon Busuttil qal li l-Kummissarju tal-Pulizija huwa pupazz li jippermetti lill-Prim Ministru jindaħallu fl-awtonomija u l-ħidma tiegħu.
Hu kompla jgħid li l-Kumissarju huwa marbut bil-liġi li jieħu passi kontra kull min iwettaq reat ta’ korruzzjoni.
Waqt djalogu f’Marsaxlokk, Dr Simon Busuttil qal li l-Gvern mhux jevità r-riskji u minflok se jġib vapur enormi b’140,000 metru kubu ta’ gas fil-forma likwida u jankrah fil-bajja ta’ Marsaxlokk.
Dan meta f’Livorno fejn sar proġett simili, l-vapur kien ankrat 22 kilometru ‘l barra.
Dwar it-tbagħbis fl-elettriku, Dr Busuttil qal li l-Partit Nazzjonalista fil-Gvern dejjem ħa azzjoni u tella’ l-qorti lil kull min kien involut f’korruzzjoni. Qal ukoll li min ma jiġġilidx il-korruzzjoni, huwa korrot.
Il-Kap Nazzjonalista qal li wasal il-ħin li l-Partit Nazzjonalista jibda’ vjaġġ ġdid li jħares ‘l quddiem u jagħti eżempju lill-ħaddieħor.
B’referenza għall-ktieb ta’ Dr Eddie Fenech Adami, Dr Busuttil qal li l-Partit Nazzjonalista jrid ikun ta’ ispirazzjoni u jerġa’ joffri soluzzjonijiet u proposti mill-ġdid għall-pajjiż.
Il-Kap Nazzjonalista sellem ukoll lill-poplu Ukren li qed jiġġieled għad-demokrazija.