Filmat: Theuma stabbli; tkellem ma’ Arnaud qabel ħaduh l-isptar

Aġġornat 06:19 PM

LIVE: Il-Kummissarju b'konferenza fuq Melvin Theuma

Posted by Newsbook.com.mt on Wednesday, July 22, 2020

Melvin Theuma, is-sensar fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, jinsab f’qagħda stabbli wara li lbieraħ instab ferut fil-kamra tas-sodda.

Dan intqal mill-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà waqt li kien qed jindirizza konferenza tal-aħbarijiet dalgħodu biex jagħti l-aħħar aġġornamenti fuq il-każ ta’ Melvin Theuma, li ttieħed l-isptar b’emerġenza lbieraħ filgħaxija meta nstab ferut f’daru.

Ftit wara s-6pm, fi stqarrija l-Pulizija qalu li huwa stabbli imma qed jinżamm fit-Taqsima tal-Kura Intensiva (ITU).

Xi spikka minn dak li qal il-Kummissarju tal-Pulizija?

  • Melvin Theuma nstab b’sikkina f’idu l-leminija fil-kamra tas-sodda
  • Instab bi ġrieħi taħt għonqu, fil-kustilji u fuq il-polz tax-xellug, li jidhru li saru minnu stess
  • Ma kellux feriti li jindikaw li kien jiddefendi lilu nnifsu jew li kien hemm xi ġlied
  • L-aperturi tal-post kienu magħluqin
  • Ma nstabu l-ebda drogi jew noti ta’ suwiċidju.
  • Kien waħdu d-dar. Lis-sieħba tiegħu qalilha tieħu ċ-ċwievet qabel toħroġ għax ippjana li jorqod ftit.
  • L-Ispettur Keith Arnaud irnexxielu jkellmu. Theuma qallu li hu kien għamel dan kollu u ħadd ma kien involut.
  • Żewġ pulizija jgħassu r-residenza ta’ Theuma l-ħin kollu. Għal xi żmien kellu żewġ pulizija ġod-dar ukoll imma ħass li qed tiġi invażata l-privatezza tiegħu.
  • Il-pulizija jieħdu d-dettalji ta’ kull min jidħol u joħroġ mill-blokka tal-appartamenti.
  • Il-mowbajls ta’ Theuma u s-sieħba tiegħu ttieħdu mill-Pulizija biex jiġu analizzati.
  • L-ebda indikazzjoni li s-saħħa ta’ Theuma kienet iggravat minn dak li ġieli qal fil-Qorti.

Il-konferenza kienet indirizzata mill-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà, mill-Assistent Kummissarju mid-Distrett Warren Sammut, mill-Assistent Kummissarju Sandro Gatt inkarigat mill-Iskwadra tar-Reati Maġġuri, u mill-Ispettur tal-Pulizija Keith Arnaud li qed imexxi l-investigazzjoni fuq l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia

Xi nstab fl-appartament ta’ Theuma?

Il-Kummissarju spjega li meta l-avukata ta’ Theuma bdiet tipprova tagħmel kuntatt mal-klijent tagħha, hija ma rnexxilhiex, u għalhekk infurmat lill-pulizija b’dan. Fid-9.30pm il-Pulizija daħlet fl-appartament ta’ Theuma fi Triq is-Sirk, is-Swieqi, u sabet lil Theuma b’sikkina f’idu l-leminija fil-kamra tas-sodda u bi ġrieħi, ewlenin fosthom taħt għonqu, fil-kustilji tal-lemin u kellu wkoll ġrieħi fuq il-polz tax-xellug.

Il-Kummissarju qal li l-feriti li sabu jidhru li saru minnu stess. Ma kellu ebda feriti li jindikaw li kien qed jiddefendi lilu nnifsu. It-titjir tad-demm li nstab fuq il-post juri li ma kien hemm ebda ġlied. Dan instab biss fil-kamra tas-sodda, qal il-Kummissarju. La l-pulizija u lanqas il-ġirien ma semgħu ebda kommossjoni. L-aperturi tal-post kienu magħluqin.

Fuq il-post ma nstabu l-ebda drogi u lanqas nota ta’ suwiċidju.

Qabel prova jweġġa’ lilu nnifsu

Ftit sigħat qabel ġara dan kollu, Theuma kien għand l-avukata tiegħu bi preparazzjoni għas-seduta tal-lum fil-qorti, li fiha kien se jkompli l-kontro-eżami fuq Theuma mit-tim tad-Difiża ta’ Yorgen Fenech. Theuma identifika lil Fenech bħala dak li ordna li jsir l-assassinju fuq il-ġurnalista. F’Novembru li għadda, Theuma ngħata l-maħfra presidenzjali biex jgħid dak kollu li jaf fuq il-każ fil-qorti. Illum kellha anke titressaq il-qorti l-proklama li ngħatat lil Theuma wara talba mid-Difiża ta’ Fenech.

Il-Kummissarju spjega li l-avukata bdiet tipprova tagħmel kuntatt mal-klijent tagħha biex toffrilu kelma ta’ kuraġġ għas-seduta tal-lum.

Waħdu d-dar?

Theuma kien waħdu d-dar. Huwa joqgħod mas-sieħba tiegħu, binha u ommha, iżda dawn ħarġu fis-7.20pm, ħin li ta’ sikwit toħroġ fih is-sieħba ta’ Theuma. Huma waslu lura malli l-pulizija kienu se jippruvaw jidħlu fil-binja, u fetħitilhom sieħbet Theuma.

Is-sieħba ta’ Theuma spjegat lill-Pulizija li qabel ma ħarġet, Theuma insista magħha li tieħu ċ-ċwievet peress li kien beħsiebu jorqod ftit.

X’qal Theuma qabel ittieħed l-isptar?

L-Ispettur tal-Pulizija Keith Arnaud kien minn tal-ewwel li wasal fuq il-post, u rnexxielu jitkellem ma’ Theuma. Huwa staqsieh jekk il-ġrieħi kienx għamilhom hu fuqu nnifsu jew kienx xi ħaddieħor. Theuma qallu darbtejn, kif seta’, li hu kien għamel dan kollu u ħadd ma kien involut. Dan kollu ntqal fil-preżenza tal-paramediċi.

Is-sigurtà ta’ Theuma

Barra l-post ta’ Theuma kien hemm żewġ uffiċjali tal-pulizija stazzjonati. Mistoqsi mill-ġurnalisti, il-Kummissarju qal li qabel, kien ikun hemm żewġ uffiċjali tal-pulizija ġo dar Theuma wkoll, iżda Theuma stess kien ħass li l-privatezza tiegħu qed tiġi invażata, u permezz tal-avukata tiegħu, talab lill-Pulizija biex ikollu sigurtà barra d-dar biss.

Kull fejn imur, dawn l-uffiċjali jmorru miegħu, u saħansitra jwassluh ġo karozza tal-pulizija, iżda l-Pulizija mhumiex konxji jekk Theuma kienx qed jirċievi xi tip ta’ theddid.

Fil-qorti, Theuma kemm-il darba stqarr li waqa’ f’dipressjoni wara li nqatlet il-ġurnalista. Il-Kummissarju qal li ma kien hemm l-ebda indikazzjoni li s-saħħa mentali ta’ Theuma ggravat lil hinn minn dak li ġieli qal fil-qorti.

Mistoqsi jekk il-pulizija kinux jidħlu jiċċekkjaw fuq Theuma kultant ħin, il-Kummissarju qal li din mhijiex il-prassi u fakkar li Theuma mhuwiex arrestat imma qed jingħata s-sigurtà tal-Pulizija.

Theuma joqgħod fil-post fejn kien joqgħod qabel ma ġie arrestat mill-Pulizija f’Novembru. F’din il-blokka m’hemmx kameras tas-sigurtà, iżda l-pulizija stazzjonati hemmhekk jitolbu lil kull min jidħol u joħroġ biex jagħti d-dettalji tiegħu. Il-Kummissarju qal li xi residenti gergru li jridu jilloggjaw id-dħul u l-ħruġ tagħhom.

Minkejja dan, il-Pulizija kienet għamlet risk assessment tal-post. Sabet li hemm żewġ entraturi u dawn it-tnejn kienet qed issir sigurtà magħhom.

Il-Kummissarju qal li kien hemm drabi oħra meta l-avukata ta’ Theuma ma rnexxilhiex taqbdu u għamlet kuntatt mal-Ispettur Keith Arnaud dwar dan. Huwa mbagħad kien jikkuntattja lill-pulizija stazzjonati barra, u dawn jiċċekkjaw hux kollox sew.

Minkejja dan, qatt ma kien hemm okkorrenzi bħal dawn qabel.

“B’ebda mod m’jien nagħlaq il-bibien”

Mistoqsi minn Newsbook.com.mt jekk il-Pulizija neħħietx kull kunsiderazzjoni li dan jaf kien attentat ta’ qtil, il-Kummissarju rrepeta li l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin u sa issa jidher li Theuma weġġa’ lilu nnifsu, iżda bl-ebda mod mhu jagħlaq il-bibien.

Fiehem li barra mill-Assistent Kummissarju Sammut, l-Assistent Kummissarju Gatt li huwa nkarigat mill-Iskwadra tar-Reati Maġġuri wkoll qiegħed jinvestiga l-każ.

Il-Pulizija ħadet il-mowbajls ta’ Theuma u tas-sieħba tiegħu biex dawn jiġu analizzati.

Fi stqarrija maħruġa dalgħodu, Repubblika tenniet l-appell tagħha sabiex jitwaqqaf tim konġunt bejn il-Europol u l-Pulizija sabiex iwettaq din l-investigazzjoni. Mistoqsi dwar dan, il-Kummissarju qal li l-għanijiet ta’ investigazzjoni konġunta qegħdin jintlaħqu bit-task force magħmul minn uffiċjali tal-Pulizija Maltija u minn uffiċjali mill-Europol.

Qal ukoll li għaddejjin investigazzjonijiet attivi fuq numru ta’ każijiet li ħarġu mill-investigazzjoni tal-omiċidju, billi pereżempju, qed issir analiżi ta’ dokumentazzjoni li tinstab fl-apparat.

L-investigazzjonijiet xorta waħda għadhom għaddejjin.