Il-Kummissarju tal-Istandards mitlub jinvestiga ‘l-arloġġ ta’ €20,000’ ta’ Muscat

Read in English.

Il-Kummissarju tal-Istandards intalab jiftaħ investigazzjoni dwar il-Prim Ministru Joseph Muscat li allegatament irċieva arloġġ li jiswa €20,000 bħala rigal mingħand Yorgen Fenech. Fenech jinsab akkużat li kien kompliċi fil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

L-investigazzjoni ntalbet miċ-Chairperson tal-Alternattiva Demokratika Carmel Cacopardo.

Ilbieraħ Cacopardo ħabbar li talab lill-Kummissajru George Hyzler biex b’referenza għal rapporti fil-midja dwar ir-rigal li allegatament ingħata Muscat minn Fenech tinfetaħ investigazzjoni.

Possibilità li Muscat irċieva għadd ta’ rigali mingħand Fenech

Ilbieraħ filgħaxija, is-sit Lovin Malta żvela li Muscat aċċetta arloġġ tad-ditta Bvlgari. Muscat ma riedx iwieġeb il-mistoqsijiet tal-ġurnalisti biex jikkonferma jew jiċħad l-aħbar. Is-sorsi ta’ Lovin Malta qalu li Muscat irċieva dan l-arloġġ għall-Milied tal-2014. Intqal li dan ma kienx l-unika rigal li Muscat irċieva mingħand Fenech matul is-snin.

Fil-blog tiegħu Cacopardo qal li l-arloġġ kien parti minn edizzjoni limitata.

“Hemm 25 arloġġ li huma kollha numerati. Ta’ Joseph, tgħidilna Lovinmalta għandu n-numru 17: bħas-17 Black. Jekk din l-istorja hi minnha hi gravi ħafna.”

“L-ewwel nett hi bi ksur tal-Kodiċi tal-Etika tal-Ministri għax hu ipprojibit għall-Ministri tal-Kabinett li jaċċettaw dawn ir-rigali. Meta inħadem, l-arloġġ, kien stmat li jiswa’ €20,000. Illum jiswa’ ħafna iktar.

It-tieni, jekk ir-rigal fil-fatt ingħata, jfisser li hemm rabta viċina bejn Joseph u Yorgen. Kemm hi viċina ma nafx,” kiteb Cacopardo.