Il-Kummissarju tal-Istandards itemm l-investigazzjoni fuq il-konsulenza ta’ Mizzi

Carmel Cacopardo jrid li r-rapport jiġi ppubblikat

Facebook

Read in English.

Iċ-Chairperson tal-Alternattiva Demokratika Carmel Cacopardo talab lill-Ispeaker tal-Parlament jippubblika r-rapport li wettaq il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika fuq il-konsulenza li kienet ingħatat lil Konrad Mizzi fl-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA).

F’Jannar li għadda, Cacopardo stess kien talab li l-Kummissarju dwar l-Istandards fil- Ħajja Pubblika jinvestiga l-ħatra ta’ Konrad Mizzi bħala konsulent mal-MTA ftit jiem wara li huwa rreżenja minn Ministru minħabba l-allegazzjonijiet fil-konfront tiegħu. Huwa lbieraħ ġie infurmat li l-investigazzjoni ġiet konkluża u li r-rapport finali kien ġie sottomess lill-Kumitat Permanenti tal-Parlament dwar l-Istandards fil-Ħajja Pubblika.

Cacopardo kien talab li jkunu investigati l-eks Prim Ministru Joseph Muscat, u Gavin Gulia u Johann Buttigieg bħala ċ-Chairman u l-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tat-Turiżmu, rispettivament.

Wara li sar jaf li r-rapport intemm, dalgħodu Cacopardo ltaqa’ mal-Kummissaru għall-Istandards George Hyzler u talbu kopja tar-rapport, iżda huwa infurmah li ma setax jagħtih kopja għax huwa l-Ispeaker biss li jista’ jagħmel dan skont il-liġi.

Għaldaqstant, Cacopardo kiteb lill-Ispeaker Anġlu Farrugia li infurmah li malli jkollu l-awtorizzazzjoni tal-Kumitat tal-Kamra, se jippubblika r-rapport.

Iċ-Chairperson tal-AD qal li jaf li rapport dwar investigazzjoni fejn jirriżulta nuqqas ta’ xi ħadd li jkun ġie investigat qatt ma jkun ippubblikat mill-Kummissarju. “Għalhekk, fil-fehma tiegħi jidher li l-Kummissarju sab li hemm nuqqas gravi u miexi strettament ma’ dak li tgħid il-liġi, bħal meta ikkonkluda li Joseph Muscat kien naqas meta aċċetta l-inbid Petrus minghand Yorgen Fenech.”

Cacopardo insista li huwa fl-interess tat-transparenza li dan ir-rapport ikun ippubblikat immedjatament.