Il-Kummissarju tal-Films jinvestiga ‘trattament ħażin’ ta’ atturi

Il-Kummissjoni Maltija tal-Films se tkun qed tinvestiga rapporti ta’ maltrattament ta’ immigranti li kienu qed jaħdmu bħala extras f’film wara artiklu ppubblikat dalgħodu minn Newsbook.com.mt.

F’dikjarazzjoni mibgħuta lil Newsbook.com.mt wara li żvela li immigranti li kienu qed jaħdmu bħala extras tħallew sigħat twal fix-xemx tiżreġ mingħajr ilma u dell, il-Kummissarju tal-Films Johann Grech qal li l-Kummissjoni se tagħmel l-investigazzjonijiet neċessarji bis-sapport tal-awtoritajiet kompetenti.

Aqra: Ġbid film Rinella: ‘Extras maħqura’; ‘Mhux vera’

Newsbook.com.mt żvela kif għadd ta’ immigranti ġew suġġetti għal sigħat twal f’xemx tiżreġ mingħajr ikel jew ilma, u saħansitra lanqas tħallew immorru jaqdu l-bżonnijiet tagħhom. Minkejja dan, il-producer lokali u eks-Kummissarju tal-Films Engelbert Grech qal li dan mhux veru.

Grech qal ma’ Newsbook.com.mt li Malta għandha unur kbir bil-kwalita għolja ta’ produzzjonijiet ta’ films u l-Kummissjoni se tkun qed tassigura li l-interessi ta’ dawk kollha li jaħdmu fl-industrija jkunu ssalvagwardjati.

Ħafna mill-persuni ta’ karnaġġjon skur li qed jaħdmu fuq il-produzzjoni Taljana tad-direttur Checco Zalone huma nies li fittxew l-ażil f’Malta, u li waslu dan l-aħħar u qed jgħixu f’Ħal Far. F’Malta qed jinħadmu żewġ xeni, waħda f’ħabs u l-oħra fuq il-baħar.

Sorsi minn fuq is-set qalu li l-kundizzjonijiet qalbu għall-aħjar wara li Newsbook.com.mt għamel kuntatt mal-producers lokali. Newsbook.com.mt żar is-sett tard it-Tlieta filgħaxija u ttieħed dawra madwar is-sett fejn fl-istess waqt staqsa numru ta’ mistoqsijiet lill-producers lokali.