Il-Kummissarju tal-Films b’paga ta’ €51,000 fis-sena

Johann Grech

Read in English.

Il-Kummissarju tal-Films qed jaqla’ €51,156 fis-sena apparti minn allowance ta’ €3,261 għal spejjeż.

Din l-informazzjoni ngħatat fil-parlament mill-Ministru għat-Turiżmu Julia Farrugia Portelli f’rispota għal mistoqsija mill-MP tal-Partit Nazzjonalista Karol Aquilina. Farrugia Portelli qalet li l-Kummissarju għandu wkoll 10% ta’ remunarazzjoni fis-sena bħala disturbanc eallowance – jiġifieri mal-€5,000 oħra.

Bħalissa l-Kummissarju tal-Films huwa Johann Grech.

F’Marzu tal-2019 il-Malta Producers Association (MPA) qalet li għamlet rapport formali kontra l-Kummissarju tal-Films Johann Grech. L-MPA qalet li l-prattiċi korrotti ta’ Grech kien ilhom li ġew esposti imma li baqa’ ma sar xejn.

Farrugia Portelli qalet li taħt it-tmexxija tal-Kummissarju Grech, il-Kummissjoni tal-Films ta’ Malta bdiet proġett ambizzjuż biex tissaħħaħ aktar l-industrija tal-films lokali. Żdied il-programm ta’ cash rebate għal 40% u ġie varat masterplan għall-Malta Film Studios biex tiġi rriġenerata ż-żona kollha u diġà beda l-proċess biex jinbnew l-ewwel soundstages f’Malta. Intqal li dan huwa l-ewwel investiment mill-gvern wara 40 sena.

“Mill-2018, iktar minn 16-il fornitur ta’ servizz lokali differenti ħadmu f’aktar minn 35 produzzjoni differenti. Grazzi għax-xogħol siewi li jagħmel il-Kummissarju tal-Films, fl-2019, kien hemm ‘il fuq minn 21 produzzjoni ta’ films u televiżjoni, li jfisser li total ta’ € 40 miljun ġew injettati fl-ekonomija tagħna,” qalet il-Ministru.

Aquilina staqsa wkoll dwar minn huma l-membri tal-Bord tal-Kummissjoni Ċinematografika ta’ Malta. Farrugia Portelli qalet li l-membri tal-Bord tal-Kummissjoni Maltija għal Films huma: 

  • Chairperson – Dr Beverly Cutajar  
  • Segretarju tal-Bord – Dr Ryan Pace 
  • Membri – Ms Audrey Mizzi, Mr Jonathan Mangion, Ms Giselle Desira

Meta Aquilina talab għat-tabella li turi l-istruttura organizzattiva tal-Kummissjoni Ċinematografika, il-Ministru qalet li l-Kummissjoni tal-Films bħalissa tinsab fi proċess ta’ tiġdid tal-istruttura organizzatttiva tagħha. Spjegat li l-proċess għadu għaddej.

Aquilina talab ukoll għal kopja tal-kuntrattri tal-persuni kollha bejn li bejn l-2018 u l-2020 kienu parti mill-bord tal-evalwazzjoni tal-Malta Film Fund.

“Peress li l-membri tal-Bord jaġixxu fil-mansjoni uffiċjali u mhux personali, ma nħossx li jkun korrett li d-data personali tal-individwi tiġi mxandra,” qalet Farrugia Portelli. Żiedet tgħid li l-Bordijiet ta’ Evalwazzjoni jkunu komposti minn persuni maħtura minn fost persuni b’esperjenza fil-qasam ċinematografiku, u li għandhom l-indipendenza tal-ġudizzju meħtieġa biex iwettqu dik il-funzjoni, u dan kif dejjem isir. 

Il-mistoqsijiet ta’ Karol Aquilina saru fit-23 ta’ April. It-tweġibiet tal-Ministru Farrugia Portelli ngħataw fis-27 ta’ April.