Il-Kummissarju spiċċa jintuża mill-OPM – PN

Read in English.

Il-PN qal li l-Kummissarju tal-Pulizija spiċċa jintuża mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Dan għaliex ħalla lill-eks Chief of Staf tal-Prim Ministru Keith Schembri jmur btala mal-familja.

Fi stqarrija ffirmata mid-Deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami, il-PN qal li dan sar meta Schembri jinsab investigat dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Il-PN qal li l-Kummissarju “huwa skreditat minn kulħadd inkluż iż-żewġ kandidati għall-Prim Ministru ġdid.”

“Huwa inaċċettabbli li l-Kummissarju tal-Pulizija jagħti permess bħal dan lil min jinsab suspettat dwar omiċidju, li fixkel il-ġustizzja u bi kxif ta’ informazzjoni sensittiva kemm tal-Istat u tal-investigazzjonijiet tal-Pulizija. Għalhekk, il-Kummissarju tal-Pulizija m’għandux triq oħra ħlief li jitlaq immedjatament u bħalu għandu jitlaq immedjatament ukoll il-Prim Ministru Joseph Muscat biex ma jkunx forma ta’ pressjoni, tfixkil jew indħil fuq l-investigazzjonijiet. Pajjiżna ma jistax jibqa’ jgħaddi minn din is-sitwazzjoni fejn il-Kummissarju tal-Pulizija huwa pupazz f’idejn il-klikka ta’ kriminalità li ħatfet Kastilja.”

Intant fi stqarrija separata, il-PN qal li llum aktar minn qatt qabel, il-konsumatur jibża’ għal flusu u minħabba l-incertezza u t-tensjoni politika fl-arja ma hawnx is-sentiment ta’ fiduċja li n-negozju tajjeb għandu bżonn.

Fi stqarrija ffirmata minn Edwin Vassallo ntqal li l-PN qed jaħdem biex jara li f’Malta terġa’ tirrenja l-korrettezza politika.

L-eks Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri lbieraħ deher fil-VIP lounge tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta mal-familja tiegħu.

F’Ottubru tal-2018, il-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar kien qal li jgawdi l-fiduċja tal-amministrazzjoni tal-pajjiż, tal-Korp, u tal-familja tiegħu.

Illum ġie żvelat li l-Prim Ministru Joseph Muscat siefer lejn Dubaj.