“Il-Kummissarju serraħlu rasu li jien mhux implikat fl-assassinju” – Cardona

Read in English.

L-eks Ministru għall-Ekonomija Chris Cardona qal li l-eks Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar kien serraħ ras l-eks Prim Ministru Joseph Muscat li Cardona mhuwiex implikat fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, u b’hekk Cardona sab postu lura fil-Kabinett bħala Ministru għall-Ekonomija.

Dan qalu meta kien mistieden fuq il-programm XTRA fuq TVM, ippreżentat minn Saviour Balzan.

Cardona qal li mill-assassinju tal-ġurnalista ‘l hawn, beda jinnota li għadd ta’ persuni bdew jagħmlu l-allegazzjonijiet dwaru u ntebaħ li hu kien qed jintrabat mal-assassinju.

Wara li n-negozjant u sid il-kumpanija 17 Black Yorgen Fenech ġie akkużat bħala wieħed mill-imħuħ fl-assassinju, huwa qal lill-Pulizija li rċieva ittra mingħand l-eks Chief of Staff tal-Prim Ministru, Keith Schembri, li tinkrimina lil Chris Cardona. Din l-ittra Fenech qal li għaddihielu t-tabib komuni tiegħu u ta’ Schembri, Dr Adrian Vella.

Cardona, li sal-lum għadu Membru Parlamentari u Deputat Mexxej tal-Partit Laburista, qal li ħassu moħħu mistrieħ li kien hemm provi li l-ittra kienet falza u li l-istorja li ppruvat twaħħal il-qtil fih ma ħadmitx. Huwa kien issospenda lilu nnifsu meta ġie interrogat mill-Pulizija.

Fl-intervista semma meta f’Diċembru kien hemm laqgħa tal-Kabinett fir-residenza tal-Prim Ministru fil-Girgenti. Qal li dakinhar Joseph Muscat qalilhom li kkomunika mal-Kummissarju tal-Pulizija li kien assigurah li Chris Cardona ma kienx implikat fl-assassinju. Cardona saħaq ukoll li hu qatt ma ra l-ittra li Schembri allegatament kiteb lil Fenech biex jimplika lilu fil-qtil.

Meta Balzan staqsa lil Cardona waqt l-intervista jekk huwa hux ġieli ltaqa’ ma’ Yorgen Fenech, Cardona qal li jafu permezz ta’ xogħol tal-Gvern marbut man-negozju, u li jaf ukoll lil xi membri tal-familja ta’ Fenech.

Ir-relazzjoni ta’ Keith Schembri ma’ Yorgen Fenech

Chris Cardona qal li l-aħbarijiet ħerġin riċentament dwar ir-relazzjoni bejn Keith Schembri u Yorgen Fenech jarahom iżjed bħala dikjarazzjonijiet milli allegazzjonijiet.

Huwa u jipprova jiġġustifika dawn id-dikjarazzjonijiet, l-eks Ministru qal li l-Gvern ta’ Joseph Muscat kellu “mentalità tan-negozju wisq.” Qal li din il-mentalità ma kinitx ġejja biss mingħand Joseph Muscat, imma anke minn ministri oħrajn. Cardona kien responsabbli għan-negozju permezz tal-ministeru li kellu.

X’jaħseb Cardona dwar Muscat?

Mistoqsi dwar kif iħossu fuq l-eks Prim Ministru wara l-allegazzjonijiet kollha li ħarġu fl-aħħar xhur, Cardona qal li hu għadu jemmen f’Joseph Muscat u f’dak li għandu x’joffri lill-pajjiż. Qal li għadu jammirah.

L-allegazzjonijiet tal-Acapulco

Dwar il-każijiet ta’ libell fil-konfront tal-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia, Cardona wieġeb li kellu kull dritt li jkompli bil-libelli biex inaddaf ismu, iżda għażel dak li ddeskriva bħala “ir-rotta tas-sensittività” u waqqa’ l-libelli.

Il-ġurnalista kienet allegat fuq il-blogg tagħha li hu żar il-burdell FKK Acapulco fil-Ġermanja. L-allegazzjoni tmur lura għal Frar tal-2017. Cardona dejjem kien insista li hu kien ġo lukanda fil-Ġermanja fil-ħin li Caruana Galizia allegat li hu kien ġo burdell, u qal li kellu l-provi.

F’Settembru tal-2018, Cardona ma kienx preżenti għas-smigħ ta’ libell minnhom u l-familja Caruana Galizia talbet li l-każijiet jitwaqqgħu.

Il-futur tiegħu fil-Partit Laburista

“Dejjem kont leali. Servejt taħt erba’ Prim Ministri Laburisti u dan mhux ħa jinbidel taħt il-Prim Ministru Robert Abela,” stqarr Cardona. Spjega li meta tibda fil-politika minn età żgħira, tkun għadek immatur. Qal li diffiċli tkun fil-politika ta’ età daqshekk żgħira. “Kont politiku qabel ma sirt avukat. Il-politika tista’ tgħinek tieħu deċiżjonijiet b’mod iżjed matur. Madankollu, hemm data ta’ skadenza għall-involviment fil-politika. 25 sena bħala Membru Parlamentari mhux ċajta.”

L-eks Ministru qal li jemmen li għad fadallu x’jagħti lill-Partit Laburista u wiegħed il-lealtà tiegħu lill-Mexxej il-ġdid tal-Partit Laburista Robert Abela.