“Il-Kummissarju rreżenja sentejn tard” – Il-PN

Aġġornat 02:14 PM

Il-Partit Nazzjonalista qal li r-reżenja ta’ Lawrence Cutajar minn Kummissarju tal-Pulizija ġiet sentejn tard. Sostna li hu ilu jinsisti għal din ir-riżenja għal aktar minn sentejn “għaliex kien evidenti mill-bidu tal-ħatra tiegħu li kien pupazz f’idejn il-Gvern u ma kienx lest illi jinvestiga każijiet ta’ korruzzjoni, kriminalità u ħasil tal-flus fil-Gvern Laburista partikolarment fil-konfront tal-eks Chief of Staff Keith Schembri, l-eks Ministru Konrad Mizzi u l-eks Prim Ministru Joseph Muscat.”

Dalgħodu, il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar ir-riżenja ta’ Lawrence Cutajar minn Kummissarju tal-Pulizija waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret f’Kastilja.

Fi stqarrija ffirmata minn Beppe Fenech Adami, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar il-Ġlieda Kontra l-Kriminalità, ingħad li Cutajar wera inkompetenza wara l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, speċjalment peress li minn din l-investigazzjoni “nieqsa mis-serjetà” ġew żvelati ħafna affarijiet. Appart dan, skont il-PN, in-nuqqas ta’ azzjoni ta’ Cutajar tidher ukoll fil-fatt li Keith Schembri mhuwiex arrestat u li nies oħra viċin tiegħu huma involuti fl-assassinju.

Il-Partit Nazzjonalista jaħseb illi l-Prim Ministru Robert Abela għandu jilqa’ l-proposta li saritlu mill-PN stess li l-Kummissrju jinħatar biż-żewġ terzi tal-Parlament, biex jerġa’ jkun hemm fiduċja fil-Korp tal-Pulizija.

Il-Kap tal-PN Adrian Delia esprima l-istess fehma li Malta kellha tistenna ħafna biex bidlet il-Kummissarju, li Delia wkoll sejjaħlu “pupazz għall-Gvern.” Il-pass li jmiss, qal Delia, huwa li Abela jaċċetta l-proposta tal-PN li l-Kummissarju l-ġdid jinħatar minn żewġ terzi tal-Parlament.